Lokali

FILMAT: “Ħaduli ħajti imma naħfer” – missier Brandon

F’intervista, Silvio, missier Brandon al li jaħfer lil dawk li qatlu lill-ibnu. Hu kien qed jitkellem waqt il-programm Xarabank li fih tkellmet ukoll oħt Brandon Pace, il-ġuvni ta’ 21 sena li nqatel nhar il-Ħadd li għadda wara argument fil-Ħamrun.

Missier Brandon kien il-ħabs meta ġara l-inċident u jirrakkonta kif Donna ċemplitlu biex tgħidlu li kienu qatlu lil ibnu. Bid-dmugħ f’għajnejh qal li dak il-ħin ma setax jemmen dak li kien qiegħed jisma’.

Waqt l-intervista Silvio qal li għaxar minuti biss qabel ma nqatel ibnu kien għadu kif qed jitkellem miegħu fuq il-linja.

Silvio qal: “Ħaduli ħajti imma nixtieq ngħid ukoll li jiena żbaljajt kemm-il darba u ħafna min-nies li għamiltilhom il-ħsara ħafruli, u għalhekk minn hawnhekk nixtieq li pubblikament ngħid illi minn qalbi naħfer lin-nies li qatlu lil ibni.”

Fil-programm tkellmet ukoll Donna, li hija oħt Brandon. Brandon miet f’ħoġor Donna, u fil-programm, Donna rrakkontat x’ġara dakinhar u spjegat kif kumbinazzjoni kienet għaddejja mit-triq fejn joqgħod ħuha meta kienet qed isseħħ il-ġlieda. Waqfet u marret tara xi ġralu.

“Rajtu jilletika magħhom mill-gallarija u nżilt. Żammejtu, qbadtu minn qaddu u għedtlu: “Tiġġilidx” u wara li qala’ l-aħħar daqqa, żamm mal-ħajt, rikeb l-għatba, waqa’ fl-art, ġbartu, tfajtu fuq saqajja u għedtlu: “Brandon tħallinix waħdi” u ħa l-aħħar nifs u telaq.” Isostni li “ma nistax naċċetta l-fatt li miet f’idejja u nistennieh ikellimni u ma jkellimnix.”