Lokali

FILMAT: Joe Mizzi mhux €7,000 ried imma €11,000 mingħand il-persuna li żvoga l-frustrazzjoni fih

Wara pressjoni kbira mill-pubbliku, Joe Mizzi jgħid li mhux se jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti

Aġġornata

Il-Ministru Joe Mizzi mhux €7,000 ried mingħand il-persuna li żvoga l-frustrazzjoni tiegħu fuq Facebook, iżda €11,000. NETnews jista’ jiżvela li fil-Qorti, Joe Mizzi għamel talba biex il-Qorti tikkundanna lil Lawrence Grech il-massimu, jiġifieri ftit aktar minn €11,000 talli dan żvoga l-frustrazzjoni tiegħu fuq il-media soċjali.

Il-każ hu dwar il-mod kif Joe Mizzi tella’ ċittadin privat il-Qorti talli dan fuq Facebook ikkritikah bi kliem dispreġġjattiv wara li kien ilu 18-il xahar isofri inkonvenjenza kbira f’triq li damet sena u sitt xhur biex tlestiet. Wara sena u nofs inkonvenjent, triq fl-istess żona tlestiet f’jumejn peress li kienet se tgħaddi r-Reġina minn hemm.

Mistoqsi minn NETnews jekk hux vera li talab lill-Qorti biex twaħħal lil Lawrence Grech il-massimu, jiġifieri €11,000, il-Ministru Joe Mizzi evita li jikkonferma jew jiċħad. Minflok, baqa’ jirrepeti l-istess kliem: li ma jaċċettax li xi ħadd isejjaħlu korrott.

Il-mod kif il-Ministru Joe Mizzi għażel li jtella’ l-Qorti ċittadin privat li kien imdejjaq bit-tmexxija fil-qasam tat-trasport u l-infrastruttura ġab il-kundanna ta’ ħafna, saħansitra anke Laburisti, li fuq il-media soċjali kkundannaw lill-Ministru Joe Mizzi.

Intant, wara pressjoni kbira mill-pubbliku dwar dan il-każ, il-Ministru Joe Mizzi qal fi stqarrija li mhux se jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti.

Il-Ministru Joe Mizzi (ritratt: Martin Agius)