Għawdex Lokali

Għal Joseph Muscat, l-Għawdxin huma nies tat-tieni klassi – PN

L-isptar ġenerali ta' Għawdex

Ir-rapport tal-Ombudsman fuq il-privatizzazjoni tas-saħħa f’pajjizna qed juri li minħabba li l-isptarijiet m’għadhomx f’idejn il-Gvern, la l-Ombudsman u l-anqas il-Kummissarju tas-Saħħa ma jistgħu jiddefendu l-interessi tal-ħaddiema u l-pazjenti Maltin u Għawdxin. Dan il-fatt qed joħloq tħassib serju fuq is-sitwazzjoni tas-saħħa f’pajjiżna, speċjalment f’Għawdex.

Fi stqarrija maħruġa minn PN iffirmata minn Claudette Buttigieg, Shadow Minister tas-Saħħa, Chris Said, Shadow Minister għal Għawdex u Frederick Azzopardi, Kelliem għal Għawdex intqal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax joqgħod sieket quddiem din ir-realtà. In-nuqqas ta’ trasparenza fil-kuntratt li l-Ministru Konrad Mizzi ffirma f’isem il-Gvern qed tkompli żżid ma’ dan it-tħassib serju, speċjalment meta wieħed ifakkar li dawn il-kuntratti kienu iffirmati jumejn biss qabel ingħatat il-go ahead biex jinfetħu l-kontijiet sigrieti fil-Panama.

Fi kliem l-Ombudsman, bid-deċiżjoni li l-uniku sptar f’Għawdex jiġi privatizzat, il-popolazzjoni kollha ta’ Għawdex tilfet dritt fundamentali, dak li ssib min jaqbeż għaliha f’każ ta’ inġustizzja jew nuqqasijiet oħra marbuta mas-servizz tas-saħħa f’Għawdex.

Il-PN fakkar li biex l-Ombudsman ikun jista’ jiddefendi d-drittjiet tal-ħaddiema u pazjenti Għawdxin li qed jaħdmu jew jużaw l-isptar immexxi mill-Vitals Global Healthcare (VGH), trid tinbidel l-Ombudsman Act biex l-istess Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa jkunu jistgħu jintervjenu fejn ikun hemm ksur tad-drittijiet minn entitajiet privati.

Jekk dan it-tibdil fil-liġi ma jsirx immedjatament, il-ħaddiema u pazjenti Għawdxin ikunu tilfu d-drittijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’ jinsisti wkoll biex il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi jiġi ppublikat bl-aktar mod trasparenti u mingħajr ħabi, fl-interess tal-ħaddiema, tal-pazjenti u tas-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna.