Wara ħamest ijiem, il-Gvern għadu qed jaħbi r-rapport tal-inkjesta dwar l-indħil minn żewġ politiċi ta’ Muscat f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex. Minn informazzjoni li għandu NETnews, ir-rapport tal-inkjesta mħejji mill-kandidat Laburista John Vassalo ilu għand il-Gvern minn nhar it-Tnejn li għadda.
Nhar l-Erbgħa, NETnews żvela li r-rapport tal-inkjesta kien ilu fuq il-mejda tal-Prim Ministru f’Kastilja sa minn nhar it-Tnejn li għadda. Kien ġie żvelat ukoll li l-Kabinett ta’ Joseph Muscat saħansitra ddiskuta r-rapport waqt il-laqgħa tal-Kabinett ta’ nhar it-Tlieta. Iżda minn nhar it-Tnejn sal-lum, ħamest ijiem wara, il-Gvern għadu ma ppubblikax din l-inkjesta.
Malli NETnews kien żvela l-aħbar, l-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat kienet li jgħajjar lil NETnews giddibin, fejn qal li kienet “gidba mill-bidu sal-aħħar” li r-rapport kien ilu għandu minn nhar it-Tnejn. Iżda l-Prim Ministru ma damx ma nqabad f’gidba hu stess, wara li dakinhar NETnews kompla jiżvela aktar dettalji dwar għaliex il-Gvern kien qed jaħbi r-rapport tal-inkjesta. Dan kien wassal biex l-Erbgħa filgħaxija, Muscat kien sfurzat jammetti li r-rapport tal-inkjesta filfatt kien diġa wasal għandu.
FILMAT: U-TURN MINN MUSCAT: L-ewwel jgħajjarna giddibin, imbagħad jagħtina raġun
“Il-Prim Ministru llejla rċieva rapport finali tal-inkjesta (…) wara li talab kjarifiċi fir-rigward tar-rapport li rċieva matul il-ġurnata tal-bieraħ” qal il-Gvern fi stqarrija l-Erbgħa filgħaxija.
Imma filwaqt li l-Gvern kien qal li rċieva r-rapport finali l-Erbgħa, NETnews żvela li l-għada, jiġifieri l-Ħamis, il-Prim Ministru sejjaħ lill-kandidat Laburista John Vassallo biex imur malajr f’Kastilja biex jiddiskuti r-rapport tal-inkjesta li ħejja. Indikazzjoni li r-rapport finali seta’ nbidel aktar minn darba. Dan fil-kuntest ukoll ta’ dak żvelat l-Erbgħa minn NETnews, li hemm partijiet mix-xhieda li ngħatat fis-seduti tal-inkjesta li ma kienux inklużi fir-rapport finali li ġie ppreżentat lill-Gvern.
Sadanittant, kemm il-Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo kif ukoll il-Ministru Manwel Mallia, li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Pulizija, ċaħdu li huma involuti fil-każ. Ilbieraħ, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici kkonferma ma’ NETnews l-intenzjoni tal-Gvern li jibqa’ jaħbi r-rapport tal-inkjesta “sakemm issir analiżi tiegħu”.
//= $special ?>