Lokali

Il-publikazzjoni ‘Damma’ ppreżentata lir-rettur tal-Universita’ ta’ Malta

Il-pubblikazzjoni tad-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis, li jismu d-Damma, hija kisba kbira fil-qasam tal-kultura Maltija. Id-Damma kienet ilha tistenna l-pubblikazzjoni mill-1767 u għal dawn l-aħħar 250 sena kienet ikkustodita fost il-manuskritti tal-Biblijoteka Nazzjonali.

It-tagħrif uniku li fiha, u li jinteressa lil-lingwisti, l-istoriċi, u l-etnografi issa huwa aċċessibbli bis-saħħa tat-traskrizzjoni ta’ żewġ studenti tal-Malti, Rosabelle Carabott u Joanne Trevisan. Carabott għandha l-mertu li ħadet ukoll f’idejha r-reviżjoni u l-editjar ta’ dan ix-xogħol li fih madwar elf paġna.

Ilbieraħ id-Dipartiment tal-Malti ppreżenta kopja tad-Damma lir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella. Il-preżentazzjoni saret minn Rosabelle Carabott, l-aktar waħda li waqa’ xogħol fuqha f’dan il-proġett. Hija semmiet kif hi u seħbitha tħabbew ma’ dan ix-xogħol waqt l-istudju tad-dokumenti l-qodma li jsir fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.

F’kelmtejn f’isem id-Dipartiment tal-Malti, Dr Olvin Vella radd il-ħajr lill-entitajiet kollha li daħlu fi sħab f’dan il-proġett u rringrazzja lill-individwi li ħadmu fuq dan il-proġett tas-sehem ġeneruż tagħhom.

Ir-Rettur minn naħa tiegħu qal li rnexxielna nippubblikaw id-dizzjunarju ta’ De Soldanis. Elf paġna miktubin 250 sena ilu, elf paġna xi minn daqqiet diffiċli biex taqrahom u ssegwihom. Elf paġna ta’ valur kbir. Valur għall-Malti. Qal li fih Malti qadim, espressjonijiet li maż-żmien mietu u Agius de Soldanis żammhom. Fil-fatt, dan id-dizzjunarju kitbu għax hu kien jibża’ li tant kien qed jintilef kliem fi żmienu li ta’ warajh mhuma se jsibu xejn” tenn jgħid il-Professur Vella.

Ikkummenta