Lokali

Il-Union tal-Gwardjani tal-Ħabs ġiet xolta, wara li GWU qatt ma intervjeniet b’suċċess għaliha

Il-Union tal-Gwardjani tal-Ħabs li hi union indipendenti li taqa’ taħt il-kappa tal-GWU kienet xolta. Nhar it-Tnejn se jibdew negozjati mal-UĦM Voice of the Workers biex titwaqqaf union ġdida li taqa’ taħt il-kappa tal-UĦM.

Il-Union tal-Gwardjani tal-Ħabs li hi union indipendenti imma li taqa’ taħt il-kappa tal-GWU, kienet xolta wara li s-seba’ membri tal-Kumitat irriżenjaw en bloc wara li matul is-sentejn li ilha mwaqqfa, il-GWU qatt ma intervjeniet b’suċċess għaliha.

F’kummenti lil In-Nazzjon, Emanuel Cassar li kien il-President tal-Union tal-Gwardjani tal-Ħabs qal li minn nhar it-Tnejn li ġej se jibdew negozjati mal-UĦM Voice of the Workers bl-iskop li titwaqqaf union ġdida tal-gwardjani tal-ħabs indipendenti imma li tkun taqa’ taħt il-kappa tal-UĦM.

Emanuel Cassar qal li l-problemi li kellhom il-gwardjani tal-ħabs mhux biss ma ssolvewx imma żdiedu l-iktar wara li Paul Debattista laħaq Direttur tal-Ħabs. Fost dawn il-problemi semma t-trasfers li qed jingħataw lill-gwardjani tal-ħabs bla ebda raġuni valida filwaqt li l-uffiċjali tal-ħabs mhux jitħallew jaħdmu kif suppost minħabba l-indħil li qed ikun hemm fil-qadi ta’ dmirijiethom. Dan qed idejjaq ħafna lill-gwardjani tal-ħabs tant li hemm li ilhom jaħdmu snin twal u għalkemm baqagħlhom biss ftit snin biex jagħlqu l-perjodu tas-servizz tagħhom, dawn iridu jitilqu mix-xogħol.

Emanuel Cassar semma wkoll il-każ personali tiegħu meta fid-29 ta’ Jannar hu ingħata transfer bla ebda raġuni u għalkemm il-Union tal-Gwardjani tal-Ħabs insistiet mal-GWU biex issir ġustizzja, il-GWU m’għamlet xejn. Hu qal li l-GWU anke qaltlu li se tagħmel appuntament mad-Direttur tal-Ħabs, imma dan l-appuntament ma sar qatt.

Emanuel Cassar semma każi ta’ diskriminazzjoni li qed isiru fil-ħabs u semma każ partikulari ta’ priġunieri li jinqabdu bid-droga fil-ħabs. Hu qal li bejn Novembru u Jannar li għadda b’kollox inqabdu 34 priġunier bid-droga.

F’dawn il-każi jitnaqqsu l-privileġġi lil dawn il-priġunieri u flok ikollhom żewġ visti ikollhom vista’ waħda u ma jitħallew jingħataw ikel mill-qraba tagħhom nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd.

Emanuel Cassar qal li d-Direttur ordnalu biex żewġ priġunieri partikulari li kienu nqabdu bid-droga fil-ħabs jitħallew jingħataw ikel mill-qraba tagħhom is-Sibt u l-Ħadd. Hu qal li ma qabilx ma dik id-deċiżjoni minħabba li b’hekk kienu jkunu qed jinkisru r-regolamenti tal-ħabs imma hu xorta kellu jobdi l-ordni tad-Direttur tal-Ħabs. Emanuel Cassar qal li hu kellu joħroġ bis-sick leave minħabba marda li għadu qed jieħu l-kura għaliha.

Hu għamilha ċara li l-Union tal-Gwardjani tal-Ħabs qatt ma aġixxiet b’politika partiġġjana. Illum li l-union kienet xolta, m’hemmx union li tirrappreżenta lill-gwardjani tal-ħabs sakem titwaqqaf il-union il-ġdida li se tkun taħt il-kappa tal-UĦM Voice of the Workers.