Lokali

Il-wirja tal-Ġimgħa l-Kbira fid-Depot tal-Pulizija

Ninsabu ftit jiem bogħod qabel il-Ġimgħa Mqaddsa u bħalissa hu żmien li matulu jibdew jinfetħu ħafna wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira fosthom dik li jtella’ l-Korp tal-Pulizija bis-sehem tal-Maġġur Joseph Borg u tal-Pulizija Daniel Scerri, Mario Muscat,u l-aħwa Isabelle Galea u Bernardette Cutajar.

Il-wirja tinkludi l-mejda Lhudija, l-arka fejn kienu jżommu l-iskrittura tas-sinagoga, pitturi tal-melħ, vestwarju Lhudi u Ruman, ix-xena tal-kalvarju u l-qabar ta’ Ġesu’ Kristu.

Il-Maġġur Borg spjega ma’ Net News kif il-mejda tal-aħħar ċena tinkludi statwi ta’ madwar pied u nofs u anke oġġetti oħra bħal frott li għandhom sinifikat partikolari.

Bħal kull sena attrazzjoni partikolari jkunu l-pitturi tal-melħ li jsiru bil-melħ normali li miegħu iżidu trab ikkulurit biex ipinġu xeni mill-isbaħ meħudha minn pitturi ta’ artisti barranin u anke lokali.

Tkellimna imbgħad mal-kuntistabbli Mario Muscat li jieħu ħsieb ħafna mix-xogħol tal-vestwarju li jsir kollu mill-karti u mill-injam.

Meta nżuru wirja tal-Ġimgħa l-Kbira dejjem inxommu riħa partikolari li tgħina nidħlu aktar fl-atmosfera tal-wirja. Din ir-riħa hi magħrufa aħjar bħala il-borma.

Il-wirja fid-Depot tal-Pulizija tiftaħ għall-pubbliku s-Sibt u tibqa’ miftuħa sa Ħadd il-Għid.