Futbol Sport

Jesse Lingard iġedded il-kuntratt

Jesse Lingard ġedded il-kuntratt b'erba' snin (Ritratt: www.manutd.com)

Il-winger Ingliż Jesse Lingard ġedded il-kuntratt ma’ Manchester United b’erba’ snin bl-għażla li jġedded sena oħra. Manchester United ikkonfermaw l-aħbar, fejn hu mistenni li jkollu salarju ta’ madwar £100,000 fil-ġimgħa.

Il-plejer ta’ 24 sena li kienu fadallu sena kuntratt, kien ingħaqad mal-akkademja ta’ Manchester United meta kellu seba’ snin u ngħata l-ewwel kuntratt professjonali fl-2011.

Hu stabilixxa ruħu mal-ewwel tim l-istaġun li għadda taħt Louis van Gaal, wara li kien għamel esperjenzi b’self ma’ Leicester City, Birmingham City, Brighton u Derby County. Hu għamel id-debutt f’Old Trafford kontra Swansea City fl-ewwel logħba tal-istaġun 2014/2015 u lagħab total ta’ 70 logħba fejn skorja 11-il gowl.

“Manchester United dejjem kienu parti kbira mill-ħajja tiegħi. Ili mal-klabb mill-età ta’ seba’ snin u nħossni kburi kull darba li nilbes il-flokk. Li tiskorja f’żewġ finali tat-tazza mat-tim ta’ tfuliti kienu mumenti ta’ kburija għalija u t-tim tiegħi. Bħala tim, diġà erbaħna unur maġġuri dan l-istaġun u nħares li nkompli ngħin aktar. Nixtieq nirringrazzja lill-partitarji tas-sapport li dejjem taw lili u lit-tim.”

Tags