Illum il-Knisja Kattolika fakkret il-Festa ta’ Jum id-Duluri, ġurnata għażiża għall-Maltin u l-Għawdxin, li matulha l-Insara jirriflettu dwar it-tbatija li għaddiet minnha Marija Addolorata.
Eluf ta’ devoti ħadu sehem fil-Purċissjoni tradizzjonali bix-xbieha tal-Addolorata li saru f’diversi parroċċi f’Malta u f’Għawdex.
Fost l-iktar popolari hemm dik li toħroġ mill-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt immexxija mill-Franġiskani. L-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-purċissjoni li saret illejla u li fiha ipparteċipaw ħafna nies b’devozzjoni kbira. Attenda wkoll l-Arìsqof Emeritu Pawlu Cremona.
Bħal kull sena, dawn il-purċissjonijiet jiġbdu lejhom folol kbar li jimxu bl-akbar qima u fil-ġabra tat-Talb, hekk kif uħud imxew wara d-Duluri biex iwettqu l-wegħdi tagħhom.
Sadattant bħalma jiġri f’ħafna postijiet tax-xogħol f’pajjiżna, anke fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista saret quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tad-duluri. Minbarra l-Kap u uffiċjali tal-Partit attendew ukoll impjegati tal-Partit u tal-kumpanija media.link communications. Il-quddiesa kienet ċelebrata minn Fr Mark Enriquez.
Iċ-ċelebrazzjoni tad-Duluri tagħti bidu għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, li jkomplu l-Ħadd bil-Festa ta’ Ħadd il-Palm u li jilħqu l-qofol tagħhom f’Jum il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir il-Ħadd ta’ wara.
Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>