Żewġ ħaddiema tal-Gozo Channel li kienu nqabdu jisirqu flus tal-kumpanija fis-sena 2015 u kienu wkoll instabu ħatja mill-Qorti, reġgħu ingħataw l-impjieg tagħhom lura. Dan kien żvelat mill-gazzetta Times of Malta.
Sorsi qalu lill-gazzetta li l-ħaddiema l-oħra tal-Gozo Channel kienu ixxukkjati meta l-ġimgħa l-oħra saru jafu li Raymond Borg magħruf bħala ‘Ix-Xitan’ u George Zammit reġgħu daħlu jaħdmu mal-Gozo Channel.
Uffiċjal għoli tal-Gozo Channel qal lil The Times li huma kienu semgħu li dawn iż-żewġ impjegati li nqabdu jisiru mill-kumpanija billi jbiegħu biljetti użati ma kinux se jiddaħħlu lura għax-xogħol minħabba li kienu serqu lil min jimpjegahom. Hu qal li madanakollu l-mirikali f’Għawdex jiġru u issa dawn iż-żewġ persuni reġgħu iddaħħlu mal-Gozo Channel qisu ma ġara xejn.
Membru tal-Bord tal-Gozo Channel qal lill-gazzetta li kien hemm pressjoni politika qawwija fuq il-kumpanija biex dawn iż-żewġt irġiel jerġgħu jiddaħħlu lura u fakkar li wieħed minnhom hu canvasser tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Kelliem għal Ministru għal Għawdex ikkonferma li dawn iż-żewġ persuni ingħataw l-impjieg lura u qal li dan skont il-ftehim kollettiv.
Il-każ ta’ Raymond Borg u George Zammit kien seħħ f’Settembru 2015 meta huma kienu nqabdu fuq is-CCTV jbiegħu biljetti użati tal-vapur ta’ Għawdex u jżommu l-flus għalihom Fil-ġurnata li nqabdu jisirqu kien daħħlu 355 ewro.
//= $special ?>