Formula 1 Sport

Mhux se jinbidel il-ħin tal-Grand Prix taċ-Ċina minkejja tħassib dwar it-temp f’Shanghai

Id-dehra tal-kundizzjoni tat-temp f'Shanghai (Ritratt: EPA)

Il-Grand Prix taċ-Ċina se ssir kif kienet pjanata l-Ħadd filgħodu minkejja li Lewis Hamilton kien qal biex issir bidla fil-format, wara li s-sessjoni ta’ prattika tal-lum kienet sospiża minħabba l-kundizzjoni tat-temp f’Shanghai. Skont il-media internazzjonali, kien hemm possibbiltà li l-Grand Prix timxi għal għada minħabba s-sospensjoni tat-tieni sessjoni minħabba miżura ta’ sigurtà.

Iżda l-loġistika biex jitmexxa avveniment ta’ dan il-kobor li hu segwit minn miljuni tan-nies madwar id-dinja fi żmien qasir, wassal biex kollox se jibqa’ kif inhu. Posponiment tat-tiġrija għat-Tnejn ukoll tneħħa mill-ħsieb minħabba d-domanda loġistika hekk kif il-ġimgħa d-dieħla ssir il-Grand Prix tal-Bahrain. Madankollu, hi mistennija li ssir laqgħa bejn it-timijiet u s-sidien il-ġodda tal-isport Liberty Media, dalgħodu f’Shanghai.

Is-sessjoni tal-lum kienet abbandunata wara 20 minuta biss wara li l-helicopter mediku ma kienx possibbli li jinżel fl-eqreb sptar. Ir-regolamenti tas-sigurtà tal-isport jgħidu li jrid ikun possibbli li jekk sewwieq isofri daqqa’ f’rasu, irid ikun trasferit lejn sptar sa 20 minuta.

Iżda minħabba ammont kbir ta’ sħab, il-helicopter ma setgħax itir. B’kollox total ta’ sitt sewwieqa naqsu li jagħmlu dawra bil-ħin, fosthom Hamilton u ż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari Kimi Raikkonen u Sebastian Vettel.

Tags