Unjoni Ewropea

Passi kontra siti ta’ riżervazzjoni tal-ivvjaġġar qarrieqa

Filwaqt li r-riżervazzjonijiet online ta’ lukandi u titjiriet qed isiru dejjem iktar komuni, il-konsumaturi qed jiltaqgħu ma’ għadd dejjem jikber ta’ problemi bis-servizzi tal-ivvjaġġar online. Dawn is-servizzi huma fost l-iktar ilmenti frekwenti mill-konsumaturi skont iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tal-konsumatur nedew monitoraġġ ikkoordinat ta’ 352 sit tat-tqabbil tal-prezzijiet u tar-riżervazzjoni tal-ivvjaġġar madwar l-UE f’Ottubru 2016.

Huma sabu li l-prezzijiet f’235 sit ma kinux affidabbli. Dan jammonta għal żewġ terzi tas-siti vverifikati. Pereżempju, żdiedu elementi addizzjonali fil-prezzijiet fi stadju iktar avvanzat tal-proċess tar-riżervazzjoni mingħajr ma l-konsumatur ikun infurmat biċ-ċar jew kellhom prezzijiet promozzjonali li ma kienu jikkorrispondu mal-ebda servizz disponibbli.

L-awtoritajiet talbu lis-siti kkonċernati biex jikkonformaw il-prattiki tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur, li titlob li jkunu kompletament trasparenti dwar il-prezzijiet u li jippreżentaw l-offerti tagħhom b’mod ċar minn stadju bikri fil-proċess ta’ riżervazzjoni.

Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, qalet, “L-internet jipprovdi ħafna informazzjoni lill-konsumaturi biex iħejju, iqabblu u jirriżervaw il-vaganzi tagħhom. Madankollu, jekk l-opinjonijiet tal-konsumaturi preċedenti fuq is-siti ta’ tqabbil ma jkunux imparzjali jew il-prezzijiet ma jkunux trasparenti, dawn is-siti jkunu qed iqarrqu bil-konsumaturi.

emm bżonn li l-kumpaniji kkonċernati jirrispettaw ir-regoli Ewropej dwar il-konsumatur, bl-istess mod li jirrispettahom aġent tal-ivvjaġġar. L-awtoritajiet tal-konsumatur issa se jitolbu lis-siti jsolvu dawn il-problemi. Il-konsumaturi ħaqqhom l-istess protezzjoni fuq l-internet bħalma jkollhom bnadi oħra.”