Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp ikkonferma li l-attakkant ta’ Liverpool Sadio Manè se jitlef l-aħħar parti tal-istaġun wara li se jkollu jagħmel operazzjoni fl-irkoppa.
L-internazzjonali mis-Senegal weġġa’ fir-rebħa ta’ 3-1 li Liverpool kellhom fuq il-ġirien Everton is-Sibt li għadda, u kien mibdul fis-57 minuta minn Divock Origi. Aktar kmieni din il-ġimgħa, Manè kien tefa’ ritratt tiegħu fuq il-media soċjali b’ħadida madwar l-irkoppa. Manè li għandu 24 sena, skorja 13-il gowl minn meta ngħaqad ma’ Liverpool mingħand Southampton għal somma ta’ madwar €40 miljun is-sajf li għadda.
“Ninsabu ċerti li se jkollu jagħmel operazzjoni, mhux ċerti meta, imma hu evidenti li l-istaġun tiegħu ntemm. Se jkollu waqfa twila għall-istaġun li ġej. Dak kien dak li kont qed nistenna. Ħsibt li kien fortunat li ma ġara xejn aktar u l-unika ħaġa pożittiva hi li se jkun lest għal staġun ieħor,” qal Klopp.
Ċans għal Coutinho li jilgħab
Iżda l-manager ta’ Liverpool jinsab kunfidenti li Philippe Coutinho se jkun fit biex jilgħab għada kontra Stoke. Il-midfielder Brażiljan kien fetaħ l-iskor fid-draw ta’ 2-2 kontra Bournemouth l-Erbgħa li għadda, iżda kien ġie mibdul fil-65 minuta minħabba li kien ma jiflaħx u ma tħarriġx fl-aħħar jumejn.
Klopp żvela li se jkun għadu mingħajr Adam Lallana u Jordan Henderson għal partita fil-Bet365 Stadium, hekk kif Liverpool se jkunu qed jippruvaw isaħħu posthom mal-ewwel erbgħa. Lallana ma lagħbx ma’ Liverpool mid-draw ta’ 1-1 kontra Manchester City fid-19 ta’ Marzu li għadda wara li kien weġġa’ mat-tim nazzjonali, filwaqt li l-captain Henderson ilu barra minn Frar.
“Adam Lallana jinsab ħafna aħjar imma għadu mhux għażla. Se jkollna bżonn aktar jiem biex ikun magħna fit-tim. Henderson jinsab miexi tajjeb iżda ma nafux meta se jkun parti mit-taħriġ,” qal Klopp.
//= $special ?>