Lokali Qorti

Sewwieq ta’ mutur jingħata €45,000 f’danni

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

Il-Qorti ordnat li sewwieq ta’ mutur jingħata €45,000 f’danni minn sewwieq ta’ karozza li minħabba traskuraġni fis-sewqan ħabat mal-mutur u l-vittma spiċċa b’diżabbiltà parzjali.

Joseph Galea ta’ 26 sena u Mapfre Middlesea plc kienu mfittxija minn Melvin Grech ta’ 37 sena wara li dan sofra diżabbiltà permanenti ta’ 5 fil-mija wara inċident tat-traffiku li seħħ f’Novembru 2013.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Wenzu Mintoff semgħet kif Joseph Galea kien qed isuq il-karozza Skoda Octavia fis-Swieqi meta ħabat ma mutur tal-għamla Peugeot misjuq minn Joseph Grech. Mal-impatt il-mutur tar għan-naħa l-oħra tat-triq filwaqt li s-sewwieq tar għall-fuq il-bonnet tal-iSkoda u spiċċa fit-triq.

Kaġun tal-inċident, Grech sofra ġrieħi fix-xewka ta’ dahru u għalhekk sofra diżabbiltà parzjali u permanenti.

Il-Qorti osservat li l-inċident kien ikkawżat minħabba negliġenza minn Galea u n-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-regolamenti tat-traffiku.

Għalhekk il-Qorti ddeċidiet li Galea kien responsabbli għall-inċident u ikkundannatu jħallas il-ħsarat li jlaħħqu €45,411.68.