Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, ħassar żjara li kellu jagħmel fir-Russja, b’konsegwenza tal-attakk ta’ jiem ilu bl-armi kimiċi fis-Sirja.
Johnson, li kellu jmur Moska nhar it-Tnejn, qal li s-sitwazzjoni nbidlet ‘b’mod fundamentali’ u li l-priorità tiegħu hi li jkompli bil-kuntatti mal-Istati Uniti biex jipprovdu appoġġ internazzjonali għal waqfien mill-ġlied fil-pajjiż Għarbi partikulari li ilu mill-2011 fil-morsa ta’ konflitt ċivili.
Ir-Renju Unit, fil-preżent, qed isejjaħ lir-Russja biex tagħmel dak kollu possibbli ‘biex twassal għal soluzzjoni politika fis-Sirja’.
Sadanittant, Johnson kellu wkoll kliem ta’ kundanna ‘għall-fatt li r-Russja għadha tappoġġja lir-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad’. Fl-istess ħin, hu ħeġġeġ biex Moska taħdem u tikkoopera mal-kumplament tal-komunità internazzjonali ‘biex jaċċertaw li ma jirrepetux ruħhom l-avvenimenti xukkanti tal-aħħar jiem, fis-Sirja’.
Iż-żjara li kellu jagħmel Johnson, f’Moska, kienet se tkun l-ewwel waħda minn Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin ( fir-Russja) għal aktar minn ħames snin. Id-deċiżjoni minn Londra, sadanittant, tfisser li tħassru, għalissa, it-taħditiet li kellhom isiru bejn Boris Johnson u l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergey Lavrov.
Dan meta Johnson sostna li qed jistinka biex ilaqqa’ ‘is-sieħba tal-istess fehma’ biex jevalwaw il-passi li jmiss fil-kriżi tas-Sirja.
//= $special ?>