Lokali

FILMAT: 75 sena mill-‘miraklu’ tal-bomba tar-Rotunda – Frankie jirrakkonta kif salva

Frankie Calleja; 91 sena – jiftakar il-ġrajja tal-balla (ritratt: Martin Agius)

Għalkemm għandu 91 sena, Frankie għadu jiftakar il-ġrajja ta’ 75 sena ilu b’mod mill-aktar ħaj. Il-bomba li nifdet ir-Rotunda għadha stampata f’moħħ Frankie, li ma’ NET News iġedded il-memorji ta’ meta kien għadu żagħżugħ. Iħares lura lejn il-mument li kien fil-Knisja meta waqgħat il-balla li ma ħaditx, Frankie jirrakkonta l-miraklu li seħħ.

Miraklu mhux biss għax ma splodietx il-bomba ġol-Knisja; imma għax il-ħoss tal-bombi l-oħra barra r-Rotunda ftit qabel, ġiegħel lin-nies li kienu qed jitolbu biex isibu l-kenn. “Miraklu li waqgħu il-balal madwar il-Knisja u għamlu splużjoni kbira. Għax grazzi għalhekk, in-nies beżgħu u marru jsibu l-kenn fil-ġnub tal-Knisja” spjegalna Frankie, li fisser kif il-ġnub tal-Knisja kienu jitnużaw bħala xelter min-nies.

U kien imn’Alla li n-nies telqu mal-ġnub tal-Knisja. Għax ftit wara, balla oħra ikbar u aktar b’saħħitha nifdet il-koppla, propju fejn in-nies kienu qed jgħidu t-talb. “Il-miraklu li sar kien li waqgħu il-balal qabel u splodew b’mod li n-nies telqu. Għax kieku n-nies li kienu qed jitolbu ma telqux, kieku kollha kienu jmutu” qal Frankie, li spjega li l-ġebel li waqa’ mis-saqaf fejn nifdet il-balla, waqa’ kollu fuq is-siġġijiet fejn sa ftit qabel kien hemm in-nies qed jitolbu.

It-toqba fil-koppla tar-Rotunda li ħalliet il-balla li ma ħaditx

Frankie jispjega li l-balla nifdet il-koppla u l-ġebel waqa’ kollu fuq is-siġġijiet fejn in-nies, sa ftit qabel, kienu qed jitolbu. Imma bis-saħħa tagħha, il-balla ħabtet mal-pitturi tas-saqaf faċċata, u waqgħat mhux aktar minn tliet metri bogħod minnu. “Quddiemha kont” qalilna Frankie, mistoqsi fejn kien fil-mument li l-balla waqgħat mal-art. “Quddiemna ġiet, imma dak il-ħin m’attendejniex tant kemm kien hemm trab nieżel”.

Frankie rrakkonta li bit-trab u l-konfużjoni, għall-ewwel, in-nies ma ntebħux x’kien ġara. “M’attendejniex li waqgħat balla fil-Knisja għax għall-ewwel rajna daħna… sħaba ta’ trab” qalilna Frankie. “X’ħin it-trab niżel u qagħad, rajna l-balla mal-art, u kulħadd beda jgħajjat “timebomb!” żied jgħid.

Frankie jiftakar li dak il-ħin, fil-knisja kien hemm mal-mitejn ruħ. Kulħadd imbeżża’. “Bdejna nibżgħu miħabba l-knisja. Ħadd ma ħa gost għax taħseb li l-knisja se taqa'”, qal Frankie li żied li kieku splodiet il-balla, kienet toqtol ħafna nies. “Imma ħabab l-balal li ġew qabel, in-nies kienu laħqu telqu minn fejn kienu qed jitlobu”. Frankie żied li l-miraklu l-ieħor li seħħ kien li l-balla, malli nifdet il-koppla, ma splodietx. “Kieku splodiet, kienet taqa’ l-koppla kollha”, żied jgħid. “Mirakolużament, toqba biss għamlet” qal Frankie.

Waħda mill-pitturi mas-saqaf tar-Rotunda fejn il-balla ħabtet qabel waqgħet mal-art. Il-parti ċ-ċara fuq ras il-figura ta’ Kristu tindika l-post fejn ħabtet il-balla. (Ritratt: Martin Agius)

B’daħka fuq wiċċu, Frankie ammetta li l-aktar ħaġa li mpattat ħajtu kien il-fatt li baqa’ ħaj. “Kellna l-grazzja mill-Bambin li konna fortunati” temm jgħid Frankie bi tbissima fuq wiċċu.

Intant, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-ġrajja tal-balla, is-Soċjetà Piroteknika 15 ta’ Awwissu tal-Mosta se tkun qed ittella’ esebizzjoni ta’ ritratti antiki ta’ dik il-ġrajja. L-esebizzjoni se tittella’ fix-xelter li hemm taħt il-Knisja u tiftaħ f’Jum id-Duluri u tibqa’ sejra sal-Għid il-Kbir.

Xelter li hemm quddiem il-Knisja tal-Mosta
Il-koppla tar-Rotunda tal-Mosta, l-ewwel post fejn nifdet il-balla li ma ħaditx (ritratt: Martin Agius)