Lokali Sport

FILMAT: Aktar pressjoni fuq il-Gvern biex jinbena ċ-ċirkwit tal-karozzi u muturi

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport organizzat konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja biex twassal id-diżappunt tagħha li s’issa l-Gvern għadu ma żammx kelmtu mad-dilettanti tal-karozzi u muturi. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista li f’Malta jiġi żviluppat ċirkwit li fih ikunu jistgħu jinstaqu karozzi u muturi fi tlielaq.

Il-kelliem għall-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport qal li jirrikonoxxu li l-Prim Ministru reġa’ qajjem l-proġett taċ-ċirkwit fl-attivita’ ‘Gvern li jisma’ – iżda huma qalu wkoll li hemm bżonn li issa tittieħed azzjoni.

Net News ħa l-kumment ta’ Tonio Cini, fejn hu stqarr li hu ta’ diżappunt li l-appassjonati tal-motorsports m’għandhomx fejn jippratikaw l-isport tagħhom.

Il-Federazzjoni qalet li hi informata li d-data tal-għeluq tal-Espressjoni ta’ Interess għall-proġett għalqet it-22 ta’ Frar tas-sena l-oħra, fejn ħames kumpaniji tefgħu l-applikazzjoni ta’ interess. Għaldaqstant huma jinsabu inkwetati hekk kif l-awtoritajiet tal-Gvern ma kkuntattjaw lil ħadd li wera interess mis-settur privat fil-proġett taċ-ċirkwit.

Tonio Cini stqarr li l-motorsports jista’ jagħti imbuttatura wkoll għat-turiżmu ta’ pajjiżna, fejn minħabba ċ-ċirkwit bosta turisti jibdew jiġu Malta jsegwu dan l-isport.