Lokali

FL-AĦĦAR ĦIN – Irrevokat il-ħelsien mill-arrest ta’ Srdan Simic

Is-serb li allegatament faqa' tazza tal-ħġieġ f'wiċċ Ryan Magro

L-Imħallef Edwina Grima laqgħet l-appell tal-avukat Ġenerali u għalhekk ordnat l-arrest ta’ Srdan Simic, is-Serb li fi tmiem il-ġimgħa li għadda faqa’ tazza f’wiċċ Ryan Magro li waslu biex iż-żagħżugħ Malti qiegħed fil-periklu li jitlef għajn minnhom.

Ilbieraħ meta tressaq il-qorti, Simic ingħata l-Helsien mill-arrest. Is-Serb ta’ 23 sena , fil-Qorti wieġeb mhux ħati li darab gravi lil Ryan Magro u ngħata l-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €5,000

Srdan Simic ġie arrestat flimkien ma’ persuna oħra tard l-Erbgħa filgħaxija. Huma ġew arrestati fi blokka appartamenti fil-Qawra wara li pprovaw jaħarbu hekk kif indunaw bil-preżenza tal-Pulizija.

Fid-deċiżjoni tagħha llum, il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni baqala’ tressaq xi evidenza fil-konfront tal-akkużat.Qalet ukoll li minkejja li lbieraħ ngħata l-ħelsien mill-arrest l-akkużat naqas milli jwieġeb għas-sejħa tal-marixxalli u l-Pulizija biex illum ikun jista’ jidher il-Qorti.

Semmiet ukoll li minkejja li ma nkissrux il-kundizzjonijiet tal-Qorti, l-akkużat irid iżomm f’moħħu li f’kull ħin il-pulizija setgħet tiċċekja jekk l-akkużat hux qed iżomm mal-kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-qorti.

Id-deċiżjoni tal-ħelsien mill-arrest li ħa l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona fl-aħħar 24 siegħa kienet qajmet għagħa kbira, hekk kif għadd ta’ persuni qasmu l-opinjoni tagħhom fuq il-midja soċjali fejn esprimew li jinsabu bla kliem hekk kif bosta saħqu li wara l-ħidma sfieqa li twettqet l-pulizja biex arrestatu kellu jibqa’ miżmum arrestat sakemm jinstema’ l-każ kollu.