Sport

Hamilton se jibda mill-ewwel post

Lewis Hamilton

Pole position għal Lewis Hamilton

Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton se jibda mill-ewwel post waqt il-Grand Prix ta’ llum li se jsir fiċ-Cina. Dan se jkun it-tieni Grand Prix tas-sena wara dak li sar fl-Awstralja u s-sewwieq Ingliż se jibda minn quddiem il-Ġermaniż Sebastian Vettel tal-Ferrari. Dan tal-aħħar, li kien rebaħ l-ewwel tellieqa, se jibda minn quddiem Valtteri Bottas tal-Mercedes.

Ta’ min jinnota li fl-ewwel tellieqa tal-istaġun kienu dawn it-tliet sewwieqa li telgħu fuq il-podju u kollox qed jindika li għal darba oħra l-isfida fit-tellieqa ta’ llum se tkun bejniethom.

Is-sewwieq l-ieħor tal-Ferrari Kimi Raikkonen se jibda mir-raba’ post, fl-istess post li kien daħal fl-ewwel tellieqa tal-istaġun. Mill-ħames post se jibda Daniel Ricciardo tar-Red Bull filwaqt li sieħbu Max Versatppen se jkollu jibda mid-19-il post wara problemi fil-karozzi.

Jittama li ma tagħmilx xita

Lewis Hamilton qed jittama li llum ma tagħmilx xita minħabba li dan l-istaġun ma ħax sehem fit-testijiet li jiffukaw fuq ċirkwiti mxarrba.

Minkejja li hu wieħed mill-aqwa sewwieqa fix-xita, l-ekschampion mondjali dan l-istaġun għadu nieqes minn taħriġ iffukat fuq kif ir-roti jkunu affetwati fix-xita u b’hekk qed jittama li t-temp ikun wieħed xemxi.

Dawn it-testijiet li ma ħax sehem fihom Hamilton kienu saru xahar ilu f’Barċellona u l-Mercedes kienu qalu li tilifhom minħabba problemi fil-karozza.

Minkejja li Hamilton hu espert tax-xita din is-sena kien hemm tibdil fir-regolamenti u b’hekk is-sewwieqa qed jippruvaw jidraw kif tinħass il-karozza b’tyres ġodda f’diversi kundizzjonijiet.

Illum Hamilton se jkun qed jipprova jikseb l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li ġimgħatejn ilu spiċċa fit-tieni post fl-ewwel tellieqa tal-istaġun li kienet saret fl-Awstralja. Vettel tal-Ferrari rebaħ l-ewwel tellieqa filwaqt li Bottas, ukoll tal-Mercedes, kien daħal it-tielet.