Lokali

Il-Gvern iżomm l-informazzjoni sigrieta – l-Ombudsman ma jitħalliex jinvestiga

L-Ombudsman kritika bl-aħrax il-mod kif il-Gvern qed iżomm l-informazzjoni kollha sigrieta, tant li mhux qed jitħalla jinvestiga kif suppost. Fir-rapport annwali tiegħu għas-sena li għaddiet, l-Ombudsman Anthony Mifsud sostna li l-Uffiċċju tal-Ombudsman, kemm-il darba jkun iffaċċjat b’ċirkustanzi fejn ma jkollux l-informazzjoni f’idejh, u dan minkejja li l-liġi tgħid li għandu jingħata aċċess għall-informazzjoni kollha.
Eżempju ċar hu dak tal-kuntratti tal-bejgħ tal-Isptarijiet (l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex), fejn il-Gvern, minkejja li qal li ppubblika l-kuntratt, il-verità hi li mas-60 paġna tħallew sigrieti. Dan il-kuntratt ġie ffirmat jumejn qabel il-Ministru Konrad Mizzi – li ffirmah – ta l-go ahead biex jinfetaħ il-kont sigriet fil-Panama biex fih ipoġġi miljun ewro fis-sena li jkunu ġejjin mill-commissions.
Fir-rapport, kif anke kkwotat mit-Times of Malta, l-Ombudsman jgħid li b’dan il-mod, l-uffiċċju tiegħu qed jispiċċa f’pożizzjoni li ma jkunx jista’ jinvestiga l-ilmenti li jkollu – kemm ta’ diskriminazzjoni kif ukoll tmexxija ħażina.
Hu żied jgħid li issa hu l-mument li f’dan il-pajjiż ikun hawn diskussjoni serja dwar il-governanza tajba, t-trasparenza u l-kontabbilità – tliet prinċipji li l-Kap tal-partit Nazzjonalista Simon Busuttil impenja li jimplimentahom bi Gvern ġdid Nazzjonalista.
Fil-fatt, il-Kap tal-Oppożizzjoni kemm-il darba ġab l-eżempju tal-Ombudsman bħala istituzzjoni indipendenti li baqgħet indipendenti u bl-awtonomija sħiħa, u dan peress li l-persuna tkun magħżula b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament. Ħafna mill-awtoritajiet l-oħrajn, fosthom il-Korp tal-Pulizija, l-Forzi Armati, u l-Awtorità tax-Xandir, spiċċaw iservu lill-Gvern flok lin-nies, minħabba l-persuni li l-Gvern għażel fit-tmexxija.
B’rabta ma’ dan, Simon Busuttil, fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’, impenja lilu nnifsu li Gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar iċ-Chairpersons ta’ dawn l-awtoritajiet bl-istess mod li jinħatru l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali, jiġifieri bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.