Lokali

KRIŻI AWTORITÀ TAX-XANDIR: Muscat jerġa’ jaħtar Chairperson b’kunflitt ta’ interess

Il-Gvern jaħtar lil George Mifsud chairperson tal-Awtorita' tax-Xandir, l-Oppożizzjoni toġġezzjona l-ħatra u ssostni li l-Prim Ministru jrid l-awtoritajiet iservu lilu u mhux lin-nies

Il-Prim Ministru reġà ħatar persuna b’kunflitt ta’ interess bħala Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir, u dan wara li Tanya Borg Cardona, ftit tal-jiem ilu, kienet kostretta tirriżenja wara li ġie żvelat kunflitt ta’ interess li kellha meta kienet ukoll person of trust tal-Gvern.

Fi stqarrija llum waranofsinhar, l-Prim Ministru ħabbar li kien qed jaħtar liċ-Chairman tal-MPS George Mifsud bħala Chairman ġdid tal-Awtorità tax-Xandir. Iżda, ftit tal-ħin wara, stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli rrimarkat li b’din il-ħatra, l-Prim Ministru jrid l-awtoritajiet iservu lilu u mhux lin-nies.

Fil-fatt, l-Oppożizzjoni qed toġġezzjona għal din il-ħatra minħabba kunflitt ta’ interess li għandu s-Sur Mifsud minħabba l-kumpanija li hu Chairman tagħha.

Fil-fatt, is-Sur Mifsud għandu interessi kummerċjali diretti u kbar mal-istazzjon nazzjonali, u għaldaqstant ma jista’ qatt ikun f’pożizzjoni li jirregola kumpanija li magħha għandu relazzjoni kummerċjali.

Kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-ittra li bagħat lill-Prim Ministru, persuna ma tistax jagħmel negozju mal-PBS filgħodu u tiġġudika ilmenti kontra l-PBS b’impazjalità waranofsinhar. Dan hu kunflitt ta’ interess saħansitra akbar minn dak li wassal għan-nuqqas ta’ imparzjalità u għar-riżenja tas-Sinjura Tanya Borg Cardona.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni nnomina żewġ persuni, iżda l-Prim Ministru webbes rasu

Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni, b’sens ta’ rieda tajba, il-Kap tal-Oppożizzjoni nnomina żewġ persuni għall-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, li huma individwi li m’għandhom ebda kunflitt ta’ interess. Dawn huma l-eks Chairman tal-Awtorità tax-Xandir – ikkonfermat anke minn dan il-Gvern – is-Sur Anthony Tabone, kif ukoll l-eks Ombudsman – maqbul miż-żewġ naħat tal-Kamra – l-Prim Imħallef Emeritus Joe Said Pullicino.

Fl-istqarrija, l-partit Nazzjonalista qal li minkejja dan, il-Prim Ministru baqa’ jwebbes rasu u ħatar il-persuna li ried hu, u dan minkejja l-kunflitt ta’ interess li għandha l-persuna. Għal darb’oħra, l-Prim Ministru kompla bil-politika tal-firda li dejqet lill-poplu Malti u Għawdxi, u tilef iċ-ċans li jaħtar persuna f’kariga Kostituzzjonali b’kunsens. Mhux ta’ b’xejn li l-Prim Ministru, ġab l-awtoritajiet kollha jservu lilu flok lin-nies, bħalma għamel fil-Korp tal-Pulizija, fil-Forzi Armati, fil-Kummissjoni Elettorali u anke fl-Awtorità tax-Xandir.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li llum, aktar minn qatt qabel, hemm bżonn ta’ stil ġdid ta’ politika fejn persuni f’karigi importanti fil-pajjiż jinħatru b’kunsens, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Parlament, kif se jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.