Internazzjonali

Il-Gwerra tas-Sirja: L-Amerikani ‘diżappuntati’ bl-aġir tar-Russja

L-Istati Uniti għamlitha ċara li tinsab ‘diżappuntata iżda mhix sorpriża’ dwar ir-reazzjoni tar-Russja għall-attakki tal-qawwiet Amerikani, nhar il-Ġimgħa, kontra l-bażi tal-ajru Sirjana suspettata li kienet qed iżżomm l-armi kimiċi.

Intant, ir-rapporti qalu li nqatlu n-nies fl-isparatura tal-missili Tomahawk minn destroyers  tal-Istati Uniti (fil-Mediterran) fuq il-bażi ta’ Shayrat, fl-inħawi ta’ Homs. Dan waqt li r-Russja, bħala alleata ewlenija tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, akkużat lill-Istati Uniti talli ‘inkoraġġiet lit-terroristi permezz ta’ azzjonijiet unilaterali’.

Min-naħa tiegħu, Rex Tillerson, bħala s-Segretarju tal-Istat Amerikan, esprima d-diżappunt tiegħu għar-reazzjoni minn Moska. Tillerson kompla li l-aġir tar-Russja ‘tindika l-appoġġ kontinwu ta’ Moska għar-reġim ta’ Assad u l-membri tat-tmexxija (Sirjana) li qed iwettqu tip orribbli ta’ reati kontra n-nies tagħhom stess.’

Intant, is-Segretarju Amerikan ‘mhux wisq mistagħġeb’ dwar il-pożizzjoni tar-Russja li, issa, qed twiegħed biex issaħħaħ id-difiżi tas-Sirja għal kontra attakki mill-ajru. Kienet anki indikattiva d-deċiżjoni ta’ Moska biex tagħlaq hotline mal-Istati Uniti intiż biex jevita l-konfronti bejn l-ajruplani militari rispettivi fuq is-Sirja.

Qabel l-attakk mill-qawwiet Amerikani fuq il-bażi Sirjana, ir-rapporti qalu li 89 persuna, fosthom 33 tfal, kienu nqatlu, nhar it-Tlieta, waqt attakk b’suspettati elementi kimiċi fuq ċittadini fil-belt ta’ Khan Sheikhoun li hu kontrollat mir-ribelli ta’ kontra Assad.

Filwaqt li l-Gvern Sirjan qed jiċħad li uża n-nerve gas fl-attakk partikulari, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, Nikki Haley, infurmat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li l-Istati Uniti deċidiet li tieħu azzjoni militari ‘biex taċċerta li l-President Assad ma juża qatt aktar l-armamenti kimiċi’. Haley anki akkużat lir-Russja u lill-Iran ‘talli appoġġjaw lill-Gvern Sirjan waqt li kien qed iwettaq reati kontra l-bniedem’.

L-Istati Uniti, issa, qed tħejji aktar sanzjonijiet ekonomiċi kontra s-Sirja ta’ Assad waqt li Vladimir Safronkov, bħala l-Viċi-Ambaxxatur għan-NU, fisser l-attakki tal-qawwiet Amerikani fuq il-bażi ta’ Shayrat bħala ‘illeġittimi’.

Il-Pentagon f’Washington qal li l-missili sparati mid-destroyers laqtu ajruplani tal-gwerra, xelters tal-ajruplani, bunkers li kienu qed iżommu l-munizzjon u sistemi ta’ difiża għal kontra attakki mill-ajru fil-faċilità kkontrollata mill-Gvern Sirjan. L-Istati Uniti sostniet ukoll li l-bażi kienet qed tintuża bħala depot għall-armi kimiċi u li ‘ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha’ biex ma jirriżultawx vittmi ċivili. Intant ma kenux ikkonfermati li, fl-attakki, inqatlu disa’ ċivili Sirjani, fosthom erbat itfal.

Filwaqt li l-Armata Sirjana qalet li l-bażi ta’ Shayrat sofriet ‘ħsarat sinifikanti’ fl-attakk missilistiku, membri tal-Oppożizzjoni Sirjana qalu, aktar tard, li ‘il-bażi qed tintuża mill-ġdid u li telgħu minnha ajruplani tal-gwerra ( ta’ Assad) biex jattakkaw miri qrib ta’ Palmyra’.