Il-Partit Laburista qed jikser l-aktar dritt fundamentali f’soċjetà libera, dak tal-kelma ħielsa, u jerġa’ jdaħħal iċ-ċensura kif ried jagħmel bl-emendi antiliberali għal-liġi tal-istampa
Il-maġġoranza Laburista fil-Kunsill Lokali tal-Imqabba qed tiċċensura artiklu ta’ Kunsillier Nazzjonalista fil-fuljett tal-Kunsill u ddeċidiet li ma tippubblikahx. L-artiklu tal-Kunsillier Nazzjonalista Michel Farrugia jikkritika – kif inhu d-dritt tiegħu – lill-Gvern Laburista li ħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’nofs Malta u Għawdex, fosthom fl-Imqabba.
Is-Sindku Laburista Charlene Zammit ġabet din iċ-ċensura għall-vot u magħha vvutaw iż-żewġ Kunsillieri Laburisti Grace Marie Mallia u Anita Farrugia. Il-Kunsillieri Nazzjonalisti Michel Farrugia u Paul Spiteri vvutaw favur id-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma.
Il-fuljetti tal-Kunsilli Lokali huma mħallsin minn flus il-poplu u mhumiex xi proprjetà privata tal-Partit Laburista. Madankollu, il-maġġoranza Laburista fil-Kunsill tal-Imqabba, b’mod antidemokratiku u antiliberali, qed tippretendi li l-fuljett tal-Kunsill sar tal-Partit Laburista biex jiddeċiedi x’jiktbu l-Kunsillieri Nazzjonalisti.
F’kummenti ma’ netnews.com.mt, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali David Agius qal li d-dritt tal-kelma ħielsa hu dritt mill-aktar fundamentali ta’ kulħadd. L-artiklu in kwistjoni hu dwar l-essenzjali tal-Kunsill: id-demokrazija u l-leġittimità li għandu bżonn bil-vot tar-residenti li ġew imċaħħdin minnhom mill-Gvern Laburista.
Il-Partit Laburista, wara li ried jagħmel emendi antiliberali għal-liġi tal-istampa u qed jabbuża bil-kbir minn flus il-poplu fi propoganda għalih innifsu, issa qed iġib ruħu bi ksur tad-demorkazija, tal-libertà tal-kelma u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, temm jgħid David Agius.
//= $special ?>