Lokali

L-14-il edizzjoni tal-Mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b’risq Puttinu

Għall-erbatax-il sena konsekuttiva fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira eluf ta’ nies mistennija jieħdu sehem fil-mixja ta’ 30 km mill-Mellieħa sa l-Isla. Dan hekk kif is-sena li għaddiet ħadu sehem fiha ‘l fuq minn 10,000 persuna u l-ġimgħa d-dieħla l-ammont huwa mbassar li se jiżdied.

L-idea tal-Mixja nbdiet minn Joseph Vella, mill-Mellieħa, u ibnu tar-rispett Glenn. Madankollu, minn sena għall-oħra, in-numru ta’ persuni li pparteċipaw dejjem kompla jiżdied. Is-sena l-oħra biss, inġabru aktar minn €100,000 minn parteċipanti u numru ta’ sponsors. Dawk li jipparteċipaw huma mitluba donazzjoni ta’ mill-anqas €10, kollox b’risq Puttinu Cares.

Min jixtieq jattendi għall-Mixja ta’ din is-sena, hu mistieden biex fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis 13 u l-Ġimgħa 14 ta’ April jkun fis-1.30am f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa (il-Pjazza tas-Santwarju) fil-Mellieħa. Il-Mixja mbagħad tibda fis-2am, iddum madwar erba’ sigħat u tkopri madwar 30km.

Mal-wasla, il-parteċipanti kollha jingħataw ċertifikat ta’ attendenza, filwaqt li jkunu mistiedna jattendu għal Adorazzjoni li ssir fil-Knisja ta’ Marija Bambina fl-Isla.