Fost l-aħbarijiet regolari ta’ korruzzjoni skandaluża mwettqa b’faċilità minn membri ewlenin tal-Gvern ta’ Joseph Muscat, riċentement ġiet żvelata aħbar xokkanti għall-anzjani Maltin u Għawdxin. Din kienet l-aħbar dwar id-diżordni organizzata fl-aġenzija Identity Malta li ħarġet numru ta’ Karti tal-Identità b’numri differenti għall-istess persuna li eventwalment jissarrfu f’aktar minn vot wieħed għal ċerti persuni.
B’dan ir-rekord ta’ skandli, l-Asoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) tinsab allarmata u ma tistax temmen li dawn l-iżbalji huma frott ta’ traskuraġni jew difetti tekniċi. L-anzjani Maltin u Għawdxin jiftakru x’ġara sew fl-imgħoddi f’kull elezzjoni li saret fi żmien meta l-Partit Laburista kien fil-Gvern.
Fi stqarrija, l-APAN fakkar:
- Il-miżura tal-Gvern Laburista ta’ Mintoff fl-1956 meta fir-Referendum dwar l-Integration mar-Renju Unit meta l-votant ngħata permess biex idaħħal miegħu trusted person fil-kamra tal-votazzjoni, suppost biex jgħinu jivvota, iżda li kien magħruf li l-intenzjoni kienet biex jagħmel pressjoni fuqu. Jidher ċar li l-Partit Laburista dejjem kien iffissat fil-persons of trust jew positions of trust biex ikun jista’ jwettaq il-manuvri maħmuġin tiegħu;
- Il-ħniżrijiet li saru fid-djar tal-anzjani speċjalment fl-Isptar San Vinċenz De Paul fl-elezzjonijiet tal-1976, 1981 u 1987 meta trasformaw radikalment dan l-isptar ta’ eluf ta’ anzjani f’burdell Laburista fejn l-anzjani ma tantx ħallewlhom libertà li jivvutaw ħlief fuq it-Torċa;
- Fl-elezzjonijiet tat-tmeninijiet meta l-vjolenza organizzata, qabel, u speċjalment fil-jum tal-votazzjoni mill-marmalja Laburista fiż-Żejtun u fil-Fgura fejn votanti ġew intimidati u xi wħud minnhom aggrediti u mċaħħda milli jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom;
L-eżempju riċenti tal-elezzjoni tal-2013 li jiftakru kulħadd meta l-Partit Laburista għamel minn kollox biex iżomm il-vantaġġ ta’ żewġ deputati żejda li ġew mgħotija minħabba żball li sar waqt l-għadd tal-voti kontra kandidati tal-Partit Nazzjonalista.
Dawn l-esperjenzi koroh ta’ żbalji malinni u aggressjoni bla limitu mill-Partit Laburista kull darba li jkun fil-Gvern, iġegħlu lill-anzjani Maltin u Għawdxin jkunu mħassba u allarmati bl-iskandlu tal-voti doppji.
L-APAN qalet li tistenna mill-Partit Nazzjonalaista sorveljanza assoluta tal-proċess kollu elettorali u tappella lill-Maltin, speċjalment lill-votanti ġodda żgħażagħ biex ma jafdaw qatt lil dan il-Gvern u jaħdmu għalenija biex il-maġġoranza fl-elezzjoni li ġejja tkun kbira biżżejjed biex l-ebda qerq ma jkun jista’ jċaħħad lill-Partit Nazzjonalista mill-Gvern li jixraq lill-għażiża Malta tagħna.
//= $special ?>