L-awtoritajiet fl-Iżvezja qed iżidu l-miżuri tas-sigurtà wara l-attakk terroristiku fil-qalba ta’ Stokkolma fejn raġel saq trakk direttament għal ġol-faċċata ta’ kumpless kummerċjali bir-riżultat li nqatlu almenu erba’, bi 15 jisfaw feruti.
Il-Pulizija Żvediża issa temmen li raġel li spiċċa arrestat ftit wara l-attakk fi Stokkolma hu s-sewwieq tat-trakk u għalkemm ma ssemmiex ismu, ir-rapporti fissruh bħala ċittadin mill-Użbekistan. Intant ma kenux ikkonfermati rapporti oħra fis-sens li nstabu l-isplussivi fit-trakk inkwistjoni, li kien insteraq fl-istess inħawi tal-istabbiliment li spiċċa mira tat-terrur.
Id-dmija tal-Ġimgħa seħħet f’zona pedonali ewlenija ta’ Stokkolma u l-Prim Ministru Żvediż fisser l-attakk bħala wieħed terroristiku. Dan meta l-Iżvezja qed issaħħaħ is-sigurtà mal-fruntieri tagħha.
Sar magħruf, issa, li r-raġel arrestat fuq suspett li hu t-terrorista nqabad tard fil-lejl tal-Ġimgħa wara li l-pulizija kienet ħarġet ritratt tiegħu liebes ġakketta bil-kappott li ttieħed mill-kameras tas-sigurtà fl-inħawi. Ir-raġel qed jinżamm fuq suspett li wettaq reat terroristiku waqt li l-inħawi ċentrali ta’ Stokkolma fil-preżent għadhom qed iħarsu livell ta’ sigurtà speċjali. Aktar ‘il quddiem kien irrappurtat li l-pulizija arrestat anki tieni persuna li qed tgħin l-istħarriġ tagħhom.
Il-Ġimgħa waranofsinhar, erba’ persuni tilfu ħajjithom hekk kif trakk instaq għal fuq folla, fejn baqa’ dieħel ġol-entratura ta’ department store fil-qalba tal-belt – post li jkun frekwentat minn ħafna nies matul il-jum. Il-Prim Ministru Svediż, Stefan Lofven, stqarr pubblikament li dan hu attakk terroristiku.
Iż-żewġ persuni nqabdu mill-Pulizija wara li filmat meħud minn CCTV ġie ppublikat sabiex jinstabu l-mħuħ wara dan l-attakk. Il-Prim Ministru Svediż Stefan Lofven, f’konferenza tal-aħbarijiet qal:
“Aħna determinati li ma nħallux il-valuri li ngħożżu – dawk tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-liberta’ – li jiġu imdgħajfa mill-mibegħda”.
Minbarra l-erba’ vittmi li mietu b’kaġun tal-attakk terroristiku, hemm aktar minn tnax-il persuna li sfaw midruba fl-attakk tal-Ġimgħa.
It-trakk li intuża f’dan l-attakk terroristiku hu ta’ kumpanija tal-birra, fejn din qalet li t-trakk insteraq aktar kmieni matul il-jum waqt li kien qed jinħatt ix-xogħol ġewwa restaurant.
Għall-ħabta tat-tlieta’ waranofsinhar, it-trakk instaq ġol-entratura tad-department store Ahlens fi triq Drottninggatan (Triq ir-Reġina) – waħda mill-aktar toroq pedoli frekwentati fi Stokkolma.
Ftit mumenti wara l-attakk, netnews.com.mt tkellem ma’ resident fi Stokkolma li għex il-mument ta’ terrur:
//= $special ?>