Internazzjonali

L-ETA iċedi l-armi wara snin twal ta’ vjolenza

Il-grupp ETA tas-separatisti armati Baski beda jċedi l-armi li kien għad fadallu bħala l-konklużjoni tal-aħħar rewwixta armata fl-Ewropa.

Dan waqt li inventorju tal-armi (tal-ETA) u l-lokalitajiet tagħhom għadda f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji waqt ċerimonja fil-belt ta’ Bayonne, fin-Nofsinar ta’ Franza.

Il-Ministru għall-Intern Franċiż, Matthias Fekl, fisser il-pass mill-ETA bħala wieħed importanti, meta kwantità ta’ armi tan-nar u splussivi kienu qed ikunu rkuprati minn tmien siti.

Il-grupp ETA – li twaqqaf aktar min-nofs-seklu ilu fl-era tal-eksdittatur Spanjol, Francisco Franco — qatel aktar minn 800 persuna f’xi 40 sena ta’ vjolenza, u meta s-separatisti Baski pruvaw li setgħu biex ifasslu pajjiż ( tal-Baski) indipendenti f’territorju ta’ Spanja u Franza.

Hu minnu wkoll li l-ETA kien iddikjara waqfien mill-ġlied, fl-2011, iżda, dak iż-żmien, kien żamm lura mill-proċess tad-diżarm.

Franza u Spanja qatt ma riedu jinnegozjaw mal-ETA li hu mniżżel fuq il-lista s-sewda tal-Unjoni Ewropea għall-organizzazzjonijiet terroristiċi. Kellhom jgħaddu s-snin biex il-membri tal-ETA jiddeċiedu dwar id-diżarm ‘mingħajr ma jingħataw xejn lura’, intant, hemm anki rapporti li madwar 100 ġellieda ‘radikali’ tal-grupp għadhom qed jopponu għall-paċi.