Muscat għandu jieħu passi b’mod immedjat – il-Partit Nazzjonalista
Fl-editorjal tiegħu, l-ġurnal The Malta Independent qed jistaqsi x’qed jistenna l-Prim Ministru biex jippubbika r-rapport ta’ inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri fil-każ tat-traffikar tad-droga t’Għawdex. L-Independent tgħid li r-rapport għandu jiġi ppubblikat illum.
Filwaqt li l-editorjal jagħti ħarsa lejn il-fatti żvelati sa issa dwar dan l-iskandlu li xxokkja pajjiż, l-mistoqsija ewlenija tibqa’: Għalfejn Muscat qed idum daqshekk biex jippubblika r-rapport ta’ inkjesta?
L-editur tal-gazzetta jgħid li jgħid x’jgħid ir-rapport, dak li għandu jagħmel Muscat hu faċli: jekk ma hemmx Ministri nvoluti, l-Gvern għandu jgħid dan u jibqa’ għaddej, u jekk hemm il-Ministri involuti, Muscat għandu jkeċċihom immedjatament.
Fost it-teoriji li qamu fl-aħħar jiem hemm il-fatt li l-fatt li l-elezzjoni tinsab daqshekk viċin, Muscat ma jixtieqx li jkeċċi żewġ Ministri mill-Kabinett, bil-konsegwenzi kollha li din iġġib magħha.
Hawnhekk, il-ġurnal irrefera għall-fatt li ż-żewġ Ministri li qed jissemmew huma l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u l-Ministru Manuel Mallia, li meta seħħ il-każ, fl-2013, kien il-Ministru tal-Pulizija.
Dwar Anton Refalo, l-Independent tgħid li jekk dan jitkeċċa, tkun daqqa ta’ ħarta kbira għall-Partit Laburista f’Għawdex. Minn naħa l-oħra, dwar Manuel Mallia, l-editur jgħid li jekk dan jitkeċċa għat-tieni darba – wara li kien tkeċċa wara l-cover-up tal-isparatura tax-xufier tiegħu fl-2014 – dan ikun ifisser nuqqas ta’ ġudizzju tajjeb minn Muscat meta reġa’ ħatru Ministru.
Teorija oħra li tanalizza l-Independent hi li ż-żewġ Ministri involuti qed jinsisti li ma jitkeċċewx ladarba l-Prim Ministru ma keċċiex liċ-Chief of Staff Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi wara li dawn inqabdu li jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġu miljun ewro fis-sena ġejjin mill-commissions.
Muscat għandu jieħu passi b’mod immedjat
Sadanittant, fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jieqaf jitmejjel bin-nies f’wiċċhom, u b’mod immedjat għandu jieħu passi kontra ż-żewġ Ministri li ndaħlu f’każ ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex, u li wara l-laqgħat li kienu nvoluti fihom, inbidlu l-istatements quddiem il-Pulizija biex żewġ traffikanti tad-droga ma tressqux il-Qorti.
Ir-rapport ta’ inkjesta li sar minn kandidat Laburista, issa ilu għand il-Prim Ministru numru ta’ ġranet. Il-Partit Nazzjonalista staqsa x’inhi r-raġuni li l-Prim Ministru qed iżomm dan ir-rapport moħbi, u ma jippubblikahx?
F’dan l-istadju, l-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għandu jippubblika r-rapport b’mod immedjat, u immedjatament mal-pubblikazzjoni, jieħu l-passi kontra ż-żewġ Ministri li f’lejl ta’ Ottubru 2013, ltaqgħu tard bil-lejl fil-Ministeru ta’ Għawdex ma’ missier wieħed mit-traffikanti tad-droga.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li f’dan il-każ ħareġ fatt ċar: f’għażla bejn iż-żgħażagħ u t-traffikanti tad-droga, Joseph Muscat dejjem jagħżel lit-traffikanti tad-droga. Minn naħa l-oħra, Simon Busuttil diġà mpenja ruħu li Gvern ġdid Nazzjonalista se jwettaq ġlieda bla preċedent kontra t-traffikar tad-droga.
netnews.com.mt b’dettalji esklussivi dwar l-inkjesta
Kien netnews.com.mt li ħareġ b’dettalji esklussivi dwar ir-rapport tal-inkjesta. Nhar l-Erbgħa filgħodu, żvelajna li l-inkjesta kienet għand Muscat minn nhar it-Tnejn li għadda u li kien hemm siltiet mix-xhieda li nżammu ‘l barra mill-verżjoni finali tal-inkjesta.
Imbagħad, wara li Muscat għajjar lil dan is-sit giddieb, kellu jirtira kliemu u jammetti li dak kollu li żvelajna kien korrett.
//= $special ?>FILMAT: U-TURN MINN MUSCAT: L-ewwel jgħajjarna giddibin, imbagħad jagħtina raġun