Lokali

FILMAT: “Inwiegħed ġustizzja u sigurtà” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jindirizza attività politika fl-Isla

“Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed ġustizzja u sigurtà quddiem Gvern li jinsab ċass quddiem il-kollass totali tal-ordni u tas-sigurtà f’pajjiżna, fejn il-liġi mhux qed tapplika għal kulħadd”.

Iddikkjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza attività politika fl-Isla, li matulha rrefera għall-inkjesta falza dwar l-indħil mill-Ministri ta’ Joseph Muscat f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex. Inkjesta minn kandidat Laburista li ma kinitx indipendenti, u li ma sabet xejn ħażin għax kienet inkjesta fażulla, whitewash… biex tgħatti l-verità.

“Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li fuq dan il-każ, lest li jiftaħ inkjesta indipendenti bi tliet imħallfin, inkjesta kif suppost biex dak li ma riedx jagħmel Joseph Muscat, nagħmluh aħna, u biex naraw li l-ġustizzja mhux biss issir, iżda tidher li tkun qed issir” ħabbar Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota li għan-nuqqas ta’ ġustizzja u sigurtà, qed iħallas iċ-ċittadin onest. “Iċ-ċittadini li jobdu l-liġijiet qed iħllsu l-prezz huma. Illum jaqbillek ma tobdix il-liġi għax issib lill-Ministru jindaħal jiddefendik, fejn min jikser il-liġi qed jiġi ppremjat” sostna Simon Busuttil. “Dan hu t-tip ta’ pajjiż li rridu għalina u għat-tfal tagħna?” żied jistaqsi.

Simon Busuttil innota t-tmexxija ħażina fil-Korp tal-Pulizija fejn min qiegħed fil-poter qed jindaħal biex il-ġustizzja ma ssirx. B’konsegwenza ta’ dan, f’pajjiżna qed tiżdied il-kriminalità. “Gvern Nazzjonalista jirdoppja l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-traffikar tad-drogi” sostna Simon Busuttil. “Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti s-saħħa u l-forza mistħoqqa lill-Korp tal-Pulizija u nerġgħu nagħmlu Korp stmat, afdat fejn l-uffiċjal tal-Pulizija jkun stmat u rrispettat u mhux mistmerr” żied jgħid Simon Busuttil, li qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li min imexxi l-Korp tal-Pulizija jkun bniedem serju, ta’ dekor u li jmexxi l-Korp b’serjetà.

Simon Busuttil irrefera għall-każ riċenti ta’ persuna li faqgħet tazza f’wiċċ barman, u l-każ separat ta’ persuna li prova jisforza abort fuq mara. “Jekk xi ħadd qiegħed hawn, għandu jobdi l-liġijiet, u jekk ma jobdix il-liġijiet għandhom jittieħdu passi kontra tiegħu. U jekk dan il-Gvern mhux kapaċi jżomm l-ordni, allura se jkun Gvern Nazzjonalista li jżomm l-ordni hu”, iddikkjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Waqt id-diskors tiegħu, Simon Busuttil irrefera għal uħud mill-proposti l-oħra li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, fosthom it-tnaqqis fit-taxxa għan-negozji ż-żgħar, l-istess paga għall-istess xogħol, il-mediċini kollha b’xejn għall-anzjani, u l-akbar pjan infrastrutturali għal Malta, fosthom sistema ta’ metro.

“Noffri tama li jkun hemm partit li jkun kapaċi jibdel it-tama, l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tan-nies f’realtà” qal Simon Busuttil. “Partit li jkun tassew hemm biex iservi lin-nies, u mhux biex jisserva”, żied jgħid, “Partit li jagħti viżjoni biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem, u biex miegħu jimxi l-poplu Malti u Għawdxi kollu” temm jgħid.

“Tama li pajjiżna jmur għall-aħjar”

Il-bżonn ta’ bidla għall-aħjar fil-politika kienet fil-qofol tal-messaġġi mwassla mill-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Noel Muscat u Wayne Hewitt, li indirizzaw l-attività politika fl-Isla.

Noel Muscat tkellem dwar il-mod kif il-Gvern kisser il-moralità tal-pajjiż, bid-deċiżjonijiet ħżiena fl-aktar oqsma importanti għall-pajjiż, u fejn Kastilja saret qisha każin tal-Partit Laburista. “Is-sitwazzjoni politika f’pajjiżna hija waħda mwiegħra” innota Noel Muscat. “Imma mhux kollox mitmum. Għad hemm it-tama li mmorru għall-aħjar, u dan jista’ jsir billi nafdaw f’idejn persuna eżemplari u rispettat… u dal-bniedem m’hu ħadd ħlief Simon Busuttil”, żied jgħid Noel Muscat.

Min-naħa tiegħu, Wayne Hewitt elenka lista ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel mhux biss fil-qasam tat-traffiku, iżda anke proposti għan-negozjanti ż-żgħar. “Inħares ‘il quddiem li flimkien mal-Kap ħabrieki tagħna nkattru l-ġid f’dan il-pajjiż li tant inħobbu” sostna Wayne Hewitt. “Il-Partit Nazzjonalista biss hu garanzija ta’ ġid għall-poplu kollu”, żied jgħid, filwaqt li saħaq li jeħtieġ li fl-elezzjoni li jmiss, il-poplu jingħaqad flimkien biex inaddaf pajjiżna mill-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna.

Fil-każin tal-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ngħata merħba mill-isbaħ mill-folla li ħonqot il-każin.

L-attività politika fl-Isla (ritratt: Martin Agius)

Erġa’ segwi l-attività politika kollha