Baħar imqalleb għall-kumpanija Gozo Channel f’dawn il-jiem meta b’sorpriża għal kulħadd iddaħħlu mill-ġdid żewġ ħaddiema li kienu nqabdu jiffrodaw lill-kumpanija,. iżda għaxar kollegi tagħhom tkeċċew mingħajr ma nġiebet l-ebda prova fil-konfront tagħhom.
Raymond Borg ‘Ix-Xitan’ u George Zammit, żewġ ħaddiema tal-Gozo Channel li f’Settembru tal-2015 kienu tressqu l-Qorti u kienu akkużati bi frodi fil-bejgħ tal-biljetti, reġgħu daħlu jaħdmu mal-kumpanija b’effett minn tmiem Marzu li għadda.
Dan jistona għalkollox mal-mod kif il-Gvern u l-kumpanija mxew ma’ għaxar ħaddiema oħra tal-kumpanija Gozo Channel li f’Mejju tal-2013 l-ewwel kienu ġew sospiżi mix-xogħol fuq allegatament serq mill-biljetti tal-kumpanija.
Fil-jiem li għaddew il-mument investigat dan u jirriżulta li għaxar ħaddiema Għawdxin tal-Gozo Channel kienu mitluba mill-Pulizija li jew jiffirmaw dikjarazzjoni fejn allura jkunu qed jammettu li serqu mill-kumpanija, “inkella naqflukom ġewwa”.
Jirriżulta li dawn l-għaxar ħaddiema tal-Gozo Channel kienu rrifjutaw li jammettu l-akkużi bil-fomm li l-kumpanija u l-Pulizija kienu għamlu fil-konfront tagħhom, anki jekk il-Pulizija kienet qalet li kellha provi mis-sistema tas-CCTV.
Għaxar ħaddiema sfurzati jiffirmaw dikjrazzjoni
Kronoloġikament dik l-istorja kienet kompliet b’disa’ ħaddiema jċedu għat-theddid u għalhekk iffirmaw id-dikjarazzjoni tal-Pulizija u spiċċaw tilfu x-xogħol tagħhom mingħajr ma qatt ma nġiebet l-iċken prova fil-konfront tagħhom. Kollega ieħor tagħhom – James Muscat – kien għażel it-triq it-twila li jikkontesta l-akkużi fil-konfront tiegħu ġewwa l-Qorti.
Jirriżulta li tul il-proċess Pulizija vs James Muscat, il-Pulizija – minkejja kull diskors li kellha l-provi tas-CCTV qatt ma esibiet l-iċken filmat li b’xi mod jinkrimina lill-istess James Muscat jew lil xi wieħed mid-disa’ kollegi tiegħu li lilhom ġie mtellef ix-xogħol.
Illum dawn il-ħaddiema huma urtati għall-aħħar fil-konfront tal-Gvern li magħhom mexa bl-id tal-ħadid u akkużahom li bagħbsu mingħajr ma nġiebet l-ebda prova fil-konfront tagħhom, filwaqt li fil-konfront ta’ Raymond Borg ‘Ix-Xitan’ u George Zammit, żewġ ħaddiema tal-Gozo Channel li f’Settembru tal-2015 kienu tressqu l-Qorti b’akkużi simili, mexa kompletament bil-maqlub sal-punt li reġa’ tahom l-istess xogħol li kellhom qabel.
Sorsi qrib dawn l-għaxar ħaddiema din il-ġimgħa tkellmu ma’ il-mument u wrew li huma mweġġgħin ħafna li ċappasu għal għomorhom b’reat li qatt ma għamlu tant li qatt ma kienu kapaċi jissostanzjaw dak li akkużawhom bih.
Huma qalu wkoll li anki l-Pulizija kienet lagħbet logħba mill-aktar perikoluża fil-konfront tagħhom. “Dendlulna l-lixka u aħna dħalna għaliha… u tellfulna x-xogħol li kellna. Imma issa nieħdu l-pariri li hemm bżonn u naraw kif innaddfu isimna u din l-istorja mhix se tieqaf hawn.”
Mhux eskluża pressjoni politika
Is-sorsi komplew li Raymond Borg u George Zammit kienu osservati jerġgħu jirrapportaw għax-xogħol f’nofs il-ġimgħa l-oħra u kollegi tagħhom ma setgħux jifhmu kif il-Gvern reġa’ daħħal fil-Gozo Channel lil żewġ impjegati li kienu akkużati dwar frodi u li fil-fatt kienu nstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.
Is-sorsi żiedu li probabbilment dawn iż-żewġ ħaddiema reġgħu ddaħħlu fil-Gozo Channel fl-impjieg li kellhom wara pressjoni politika kbira li saret fuq il-kumpanija biex taċċettahom lura, aktar u aktar meta kollox jindika li l-Ministru Anton Refalo jinsab f’kaċċa għall-voti taż-żewġ ħaddiema u l-familji rispettivi tagħhom.
Raymond Borg u George Zammit kienu tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Paul Coppini. Dakinhar kienu wieġbu li ma kinux ħatja. Huma kienu spiċċaw il-Qorti wara li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija, anki bl-għajnuna ta’ filmati mis-CCTV, kien jirriżulta li l-ħaddiema kienu qed ibigħu biljetti riċiklati.
Fis-sentenza tal-Maġistrat Joe Mifsud – f’Marzu 2016 – iż-żewġ imputati kienu nstabu ħatja tar-reati akkużati bihom, iżda kien ingħad li dawn ma kellhomx jitilfu l-impjieg tagħhom.
Dwar dan Joe Cordina, iċ-Chairman tal-kumpanija, kien oġġezzjona u għalhekk il-Gozo Channel kienet ħatret bord immexxi mill-Imħallef Michael Mallia biex janalizza din is-sitwazzjoni.
Jidher li kontra x-xewqa ta’ Joe Cordina, kienet onorata s-sentenza tal-Qorti u ż-żewġ ħatja ddaħħlu lura għax-xogħol iżda fi gradi inqas minn dawk li kienu jokkupaw qabel.
Fil-fatt kelliem għall-kumpanija filwaqt li kkonferma d-dħul mill-ġdid ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema mal-Gozo Channel, qal li dan sar bil-patt li jkunu osservati numru ta’ kundizzjonijiet: li jkunu mnaqqsa mill-grad tax-xogħol li kellhom, li jibdew iservu minn Malta u li ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ flus.
Ta’ min ifakkar li oriġinarjament kien il-Ministeru għal Għawdex li kien irrapporta dan il-każ lill-Pulizija u fi stqarrija l-Ministeru kien saħaq li mhu se jittollera l-ebda abbuż fil-kumpanija.
Ta’ min jgħid li l-istess Raymond Borg, fl-2013 meta kien kanvaser tal-Ministru Anton Refalo, kien ċempel lid-Duty Manager fil-Port tal-Imġarr u ordnalu jdur lura bil-vapur minħabba li l-Ministru Refalo kien qed jistenna ċ-Ċirkewwa. Raymond Borg, li dakinhar ma kienx xogħol, kien ikkuntattjat mill-Ministru Refalo!
//= $special ?>

