Lokali Saħħa

Il-Gvern jaħbi lil Ram Tumuluri

Ram Tumuluri, li miegħu ffirma l-ftehim il-Gvern Malti għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech, hu mfittex għal frodi u issa ilu ġimgħat ma jkun preżenti għal laqgħat uffiċjali tal-Management tal-Isptarijiet ta’ Vitals f’Malta.

Ċirkostanzi li seħħew fl-aħħar ġimgħat jindikaw lil hemm raġunijiet biżżejjed biex il-Gvern Laburista ddeċieda li jaħbi lil Ram Tumuluri, l-Indjan li huwa wieħed mid-Diretturi tal-konsorzju Vitals Global Investiments Malta Ltd. Ma’ Tumuluri, il-Gvern Malti ffirma l-ftehim għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech.

Minn informazzjoni li kisbet il-mument mingħand diversi sorsi qed jingħad li Ram Tumuluri jidher li spiċċa biex għeb mill-gżejjer Maltin. Minbarra li huwa ma kienx preżenti meta x-xahar li għadda, il-Ministri Konrad Mizzi u Anton Refalo indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet meta beda t-twaqqigħ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex (meta l-Ministru Chris Fearne ma marx biex ma jidhirx ma’ Konrad Mizzi), sorsi li tkellmu ma’ il-mument ikkonfermaw li Ram Tumuluri ilu ma jkun preżenti għal laqgħat uffiċjali tal-Management tal-Isptarijiet ta’ Vitals f’Malta għal numru ta’ ġimgħat.

Is-sena li għaddiet din il-gazzetta kienet żvelat kif Ram Tumuluri, imfittex gal kien qed iservi ta’ faċċata għal kumpanija li kienet reġistrata f’Malta ftit ġranet biss qabel ma l-Gvern qal li kienet il-kumpanija preferuta biex jagħtiha l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Bil-ftehim li l-Ministru Konrad Mizzi laħaq ma’ Tumuluri f’isem il-Gvern Malti, il-Vitals se jkunu qed jingħataw mal-€55 miljun fis-sena għal 30 sena mill-Gvern Malti.

Sorsi li fl-aħħar jiem tkellmu ma’ il-mument qalu li filwaqt li sa ftit tal-ġimgħat ilu huma kienu jiltaqgħu miegħu b’mod regolari, fl-aħħar ftit ġimgħat Ram Tumuluri ma deherx aktar. Is-sorsi qalu li mhux magħruf x’sar minn Tumuluri.

Filwaqt li rrimarkaw li hu fatt stramb li l-uniku wiċċ li dejjem deher għall-kumpanija Vitals Global Healthcare issa lanqas biss mhu jidher, l-istess sorsi mhux qed jeskludu li jista’ jkun li kien lokalizzat mill-Pulizija tal-Interpol u saret talba għalih. Il-verità hi biss li sparixxa minn Malta u mhux ikun preżenti għal management meetings li jkunu organizzati fuq bażi regolari.

Ram Tumuluri għandu passat dubjuż ħafna hekk kif dokumenti uffiċjali tal-Qorti Suprema tal-British Columbia fil-Kanada, u li xhur ilu kienu pubblikati minn il-mument, jiżvelaw li Tumuluri evada t-taxxa, ħassar dokumenti marbuta ma’ accountancy u ħarab b’depożiti ta’ klijenti li kellhom il-pjan li jgħaddu l-Milied fil-lukanda fejn RamTumuluri kien jaħdem.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-Union Ħaddiema Magħqudin, f’Novembru tas-sena li għaddiet, kienu ppubblikaw ittra li kienet intbagħtet lill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi biex jinvestiga l-kuntratti dwar il-bejgħ ta’ dawn it-tliet sptarijiet pubbliċi.

F’din l-ittra kienet saret referenza diretta għal Ram Tumuluri fejn ingħad: “Is-Sur Ram Tumuluri hu dikjarat bħala direttur tal-kumpanija Vitals. Minn tfittxija fuq dominji pubbliċi fl-internet jidher li hemm twissija dwaru mill-Canadian Chamber of Commerce peress li kien involut f’kumpanija li kienet tmexxi lukandi u li falliet.”

Minn stħarriġ li kienet għamlet il-mument kien irriżulta li minn Jannar tal-2015, Ram Tumuluri kien qiegħed jiltaqa’ ma’ suppliers Maltin u jiftaħar li l-kumpanija Oxley Capital kienet se tmexxi l-isptarijiet f’Malta darba dawn ikunu privatizzati.

Ram Tumuluri, li miegħu ffirma l-ftehim il-Gvern Malti, kien imfittex ukoll għal frodi f’pajjiżi barranin u kieku sar due diligence kif suppost dwaru, dawn il-fatti preokkupanti kienu joħorġu mill-ewwel. Dwar in-negozjati u l-bejgħ tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex; bejn il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat u Vitals Global Healthcare għad hemm xamma kbira ta’ korruzzjoni.

Minħabba f’hekk, l-Oppożizzjoni kienet talbet lill-Awditur Ġenerali biex jagħrbel sew dawk il-kuntratti.

Il-bejgħ tagħhom kien qed inissel ħafna suspetti serji ta’ korruzzjoni u din is-sitwazzjoni kienet saret ferm aktar gravi ma’ kull jum li jgħaddi meta kienu qed jinkixfu fatti ġodda mill-aktar inkwetanti. Fost oħrajn li dan il-ftehim jumejn biss qabel dawk involuti taw l-approvazzjoni tagħhom biex jinfetħu l-kumpanji sigrieti fil-Panama.