Wieħed mid-diretturi ta’ konsorzju li se jkun qed jiżviluppa l-art tal-Marsa fejn hemm il-korsa taż-żwiemel huwa direttur ewlieni tal-kumpanija Henley & Partners. Henley & Partners hija l-kumpanija li ntgħażlet mill-Gvern biex tbiegħ iċ-ċittadinanza u li qed tagħmel qliegħ ta’ miljuni kbar mill-commissions.
The Malta Independent on Sunday irrappurtat li Hugh Morshead għandu 72,000 sehem minn total ta’ 100,000 sehem fil-konsorzju ‘Marsa Race Track Ltd’, kumpanija li twaqqfet dakinhar stess li ġie ffirmat il-memorandum of understanding bejnha u bejn il-Gvern fit-22 ta’ Marzu li għadda.
Dakinhar, f’kummenti mal-media, l-Avukat Pio Valletta, bħala shareholder minoritarju u kelliem għall-konsorzju, kien semma lil Hugh Morshead bħala wieħed mix-shareholders. Dan apparti Kusam Sharma, Aldred Kenneth Alexander, il-kumpnaija F. Schembri Holdings Ltd u l-kumpanija True to Type Ltd.
Il-memorandum of understanding għandu jwassal għal ftehim biex il-konsorzju Marsa Race Track jingħata l-art ta’ fejn hemm il-korsa taż-żwiemel għal 65 sena. Matulhom, il-konsorzju se jkun jista’ jiżviluppa ż-żona b’faċilitajiet ġodda marbuta mal-isport ekwestriju. Żvilupp li mistenni jsarraf f’miljuni kbar ta’ profitti għall-konsorzju.
Jirriżulta li wieħed mix-shareholders ta’ dan il-konsorzju huwa wkoll direttur tal-kumpaniji li Henley & Partners għandha f’Malta. Skont The Malta Independent, Morshead huwa wkoll direttur u partner ta’ Henley & Partners ibbażata f’New Jersey.
Henley & Partners għandhom f’idejhom il-bejgħ taċ-ċittadinanza. Il-Prim Ministru Joseph Muscat kemm-il darba kellu jsiefer f’konferenzi ta’ Henley & Partners biex ibiegħ il-passaport Malti. F’Diċembru li għadda kien żvelat li apparti l-commission normali mill-bejgħ taċ-ċittadinanza, Henley & Partners kienu qed jirċievu wkoll commissions mill-bejgħ ta’ bonds u stocks li kull applikant hu marbut li jixtri biex jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija.
//= $special ?>