Internazzjonali

Jemmen li Madeleine McCann qed tgħix fil-Portugall

Pulizija li dam tliet snin jinvestiga l-għajbien ta’ Madeleine McCann jemmen li din qed tgħix fil-miftuħ u aktarx għadha f’Algarve, iz-zona minn fejn għebet fil-Portugall.

Dan sostnieh l-eks-Detective Inspector Dave Edgar, li għandu 60 sena, li hu konvint ukoll li l-ġenituri Kate u Gerry McCann ma kellhomx x’jaqsmu fl-għajbien u minflok dan kien ippjanat sal-aħħar dettal minn grupp ta’ pedofeli.

Madeleine McCann kienet għebet minn kumpless turistiku fi Praia da Luz fl-Algarve f’Mejju tal-2007. Dan waqt li l-ġenituri kienu qed jieklu f’restorant fil-qrib.

Jekk għadha ħajja, f’Mejju hi tagħlaq 14-il sena u aktarx ma tixxiebah xejn ma’ kif tidher fil-poster tagħha meta għebet.

F’intervista mas-Sunday Express, Edgar qal li fl-Algarve hemm ħafna propjetajiet iżolati fejn it-tifla setgħet inżammet mingħajr ma tagħti fil-għajn.

Edgar darba kien tal-opinjoni li Madeleine kienet qed tinżamm priġuniera f’kantina.