Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jilqa’ lill-Eurowings

Mil-lum, għall-ewwel darba, bdiet topera minn u lejn Malta, il-linja tal-ajru l-ġdida Ġermaniza Eurowings.

Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu l-linja tal-ajru għamlet it-titjira inawgurali tagħha hekk kif l-ajruplan niżel fl-Ajruport INternazzjonali ta’ Malta fit-8.10am dirett minn Vjenna.

Eurowings ser tkun qed topera titjiriet lejn Vjenna kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħadd filgħodu sa Ottubru, u b’hekk ser ittejjeb il-konnessjoni eżistenti bejn l-MIA u l-kapitali tal-Awstrija.

Is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg sostna li okkażjonijiet bħal din tal-lum jippremjaw il-ħidma ta’ matul is-sena sabiex ikun żgurat li l-gżejjer Maltin igawdu mill-aħjar konnessjonijiet.

Il-linja tal-ajru, li hija mistennija tieħu post Germanwings wara eżerċizzju ta’ rebranding, hija sussidjarja tal-Lufthansa Group. Eurowings ittir lejn aktar minn 130 destinazzjoni fl-Ewropa u toffri wkoll titjiriet lejn destinazzjonijiet aktar imbiegħda bħall-Karibew u Bangkok.