Lokali

Nofs miljun ewro għal sebgħa li qed imexxu lill-Korp tal-Pulizija

Il-gazzetta il-mument illum żvelat li l-ispiża bejn pagi u benefiċċji oħrajn li qed jingħataw u jgawdu l-ogħla seba’ Fizzjali fil-Korp tal-Pulizija tammonta għal xejn inqas minn nofs miljun ewro – €500,000.

Din iċ-ċifra tikkontrasta sew mas-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra fil-Korp tal-Pulizija li minħabba nuqqas ta’ finanzi l-membri għandhom problemi serji biex jeżerċitaw u jagħmlu x-xogħol tagħhom.

M’hemmx biżżejjed uniformijiet

Saħansitra hemm nuqqas ta’ uniformijiet għall-membri fil-Korp tal-Pulizija u kollox jindika meta qegħdin fuq l-għatba tas-sajf u l-membri jridu jaqilbu għall-uniformijiet tas-sajf, se jkun hemm kriżi ta’ ħwejjeġ biex ikun jista’ jinqeda kulħadd.

Membri tal-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ il-mument qalulna li ta’ spiss jingħadulhom li żraben għall-qies tagħhom ma hemmx u għalhekk iridu jistennew jew ikomplu jinqdew b’li għandhom.

Hemm nuqqasijiet ukoll ta’ brieret u meta xi membri jistaqsu jekk waslux brieret għall-qies tagħhom, jgħidulhom li għadhom qed jistennew u għalissa jieħdu paċenzja jiddobbaw bil-beritta l-antika li għandhom u li probabbilment tkun għamlet żmienha sew.

Membru ieħor qalilna li tad-daħk hi s-sitwazzjoni tal-qomos li għal xi raġuni jew oħra mhux biss mhux dejjem ikun hemm biex jinqeda, iżda l-kulur taċ-ċelesti dejjem ivarja! Min ikun liebes qmis ċelesti skur, min ikun liebes qmis ċelesti ċara… verament fl-aħħar grad.

Lil hinn minn dan kollu hemm problemi serji f’għadd ġmielu ta’ uffiċini tal-Korp tal-Pulizija. Taqsimiet li ma għandhomx tagħmir bażiku bħal photocopiers, provvisti ta’ inka.

Għases tal-Pulizija magħluqa

It-telqa hi riflessa wkoll fil-fatt li aktar hawn Għases tal-Pulizija magħluqa milli miftuħa.

F’diversi lokalitajiet fejn il-kriminalità għolliet rasha sew, l-Għassa tal-lokal hi kważi dejjem magħluqa.

Persuna li f’nofs din il-ġimgħa kellha bżonn l-assistenza tal-Pulizija mill-Għassa tal-Pulizija tas-Siġġiewi, wara li ħadet triq twila bil-mixi, sabitha magħluqa!
L-istess fil-lokalità tas-Swieqi fejn ir-rata tal-kriminalità hi tat-tħassib.

Sorsi hemmhekk qalulna li mhux talli rari jaraw lil xi Pulizija għaddej bir-ronda – dak kważi ineżistenti – iżda anki l-Għassa tal-Pulizija hi aktar magħluqa milli miftuħa.

Ftit li xejn karozzi tad-distrett u oħrajn mitluqa bil-ħsara

Il-mument tkellmet ukoll ma’ membri fl-Għases tal-Pulizija li qalu li hu minnu li diversi drabi jkollhom jagħlqu l-Għassa biex joħorġu jagħmlu xi biċċa xogħol li tkun daħlitilhom.

“Imma l-gwaj taf x’inhu… li xi drabi jkollna mmorru bil-mixi aħna wkoll għaliex karozzi fid-Distretti hawn ftit li xejn. Ftit ilu, preċiżament bħal dan iż-żmien sena, il-Ministru Carmelo Abela kien ftaħar li l-Korp tal-Pulizija beda jagħmel użu minn vetturi ġodda li kienu nxtraw lejn l-aħħar tas-sena ta’ qabel bi spiża ta’ €400,000. Minn 40 vettura ġdida li kienu ħarġu fit-toroq, ħdax tqassmu fl-Għases Distrettwali tal-Korp.

Is-sorsi ta’ il-mument qalu li: “hekk hu… biex jintużaw mis-Supretendenti jew minn Fizzjali oħrajn biex imorru bihom il-Qorti u għal xogħol ieħor… fil-verità fid-Distretti aħna ma żdiedna bl-ebda karozza għaliex jew bqajna bl-antiki, jew inkella ħadulna l-antika minħabba xi ħsarat u bqajna mingħajr xejn.”

Dawn is-sorsi stednuna mmorru fil-Garaxx tal-Pulizija biex naraw l-għadd ta’ karozzi weqfin. “Weqfin għaliex ma hemm flus biex jinxtraw il-parts bil-ħsara li għandhom. Mela filwaqt li l-popolazzjoni tal-karozza tas-Servizz fit-toroq tkompli tonqos b’mod drastiku, dik wieqfa għaliex bil-ħsara tkompli tiżdied!?

Il-Pulizija li tkellmu ma’ din il-gazzetta żiedu li jrid jidħak bin-nies min jgħid li l-Pulizija tista’ tiġġieled b’mod aktar effettiv lill-kriminalità.

“Aħna mhux biss ma għandniex biex naħdmu, iżda kull darba li jkun hemm xi każ ta’ ċertu daqs tara lin-nies tad-Dipartiment Investigazzjoni Kriminali li mhux biss ‘jaħtfu’ l-każ, iżda lilna tad-Distrett litteralment iwarrbuna mill-istħarriġ.

Il-Pulizija tad-Distrett imwarrba

“Mhux veru li jkun hemm kollaborazzjoni bejn il-membri tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali u aħna fid-Distretti. Jidħlu huma bl-arroganza kollha tagħhom u lilna ma jħallulna l-ebda spazju biex naħdmu aħna wkoll. Din hi xi ħaġa li tirrepeti lilha nnifisha kontinwament.

Il-problema hi li ħadd daqsna fid-Distrett ma jkun jaf lin-nies għaliex aħna nagħmluha man-nies tal-komunità għal numru ta’ snin,” qalilna l-istess Pulizija.

Hu żied li inutli l-Ministru Carmelo Abela jitkellem u jikteb li “x-xogħol fid-Distretti hu kruċjali” jekk il-Gvern stess juża lid-Distretti biex jikkastiga lill-Pulizija u minn taqsimiet speċjalizzati jibgħathom iservu fihom.

“Mhux kulħadd jaf x’għamel il-Gvern mill-Għassa ta’ San Ġiljan u minn Għases oħra? Il-Gvern tul din il-leġiżlatura rnexxielu litteralment ikisser lill-Korp tal-Pulizija u jneżżgħu mill-kwalitajiet li kellu.

“Taqsimiet speċjalizzati b’Fizzjali u membri tajbin f’xogħlhom spiċċaw imtajra minfejn kienu u mibgħuta f’postijiet oħrajn. Ix-xogħol ta’ ħafna Fizzjali u membri oħra deher ċar li ma kienx apprezzat. Mhux bilfors li ħafna Fizzjali u membri b’esperjenza li kienu għalqu l-25 sena Servizz dabbru rashom,” kompla dan is-sors ta’ il-mument.

Telqu mill-Korp minħabba l-indħil

F’dan ir-rigward hemm ħafna Fizzjali li ħallew l-Uniformi wara li ma kellhom l-ebda għażla oħra. Dawn il-Fizzjali li għandna kuntatt regolari ma’ bosta minnhom, jiddispjaċihom li kienu ġew kostretti jħallu l-Uniformi. Imma l-indħil ma kienx baqa’ jħallihom jaqdu d-doveri tagħhom b’mod professjonali u serji.

Dawn il-Fizzjali regolarment jitkellmu ma’ il-mument u jgħidulna kif fl-aħħar erba’ snin it-Tmexxija tal-Korp tal-Pulizija ma kenitx indipendenti u awtonoma fit-tmexxija għaliex kollox kien u għadu mmexxi minn Kastilja u mill-Ministeru fejn jibbrillaw in-nies li ma għandhom l-ebda sens u għarfien fix-xogħol Pulizjeks.
Dawn il-Fizzjali jistqarru li tul il-karriera tagħhom fil-Korp tal-Pulizija qatt ma kienu esperjenzaw tali attitudni u indħil fil-Korp.

Tħassib dwar is-sigurtà b’każi ta’ kriminalità organizzata mhux solvuti

“Illum hawn nuqqas serju ta’ motivazzjoni fost il-membri. Mela l-Gvern ma nkwetax li Fizzjali b’esperjenza kienu qed iħallu lill-Korp tal-Pulizija sal-punt li issa jaf x’tilef il-Korp u kull meta jkun hawn xi delitt ftit serju, il-membri tal-lum ma humiex kapaċi jaslu biex isolvuh. Id-delitti li jkunu riżolti huma dawk biss li jkun kapaċi jsolvi kulħadd… kif tinqala’ għadma iebsa, il-Korp jikkrolla.”

Is-sorsi ta’ il-mument qalu wkoll li bir-raġun kollu li llum hawn tħassib kbir fil-pajjiż dwar is-sigurtà u kemm in-nies qed jingħataw protezzjoni mill-kriminali. “Jidher fiċ-ċar li l-kriminalità llum hi passi kbar ‘il quddiem mill-Pulizija u ma tagħti tort lill-ħadd għaliex illum il-Pulizija fehmu tajjeb li jimxu ‘l quddiem mhux skont kemm huma tajbin, imma skont il-kulur politiku tagħhom.

“Membri serji u dedikati fix-xogħol tagħhom litteralment twarrbu minfejn kienu biex minflokhom kienu imbottati Pulizija oħra li ma għandhomx l-esperjenza u imma li huma kunsidrati “fdati u ta’ ġewwa”. Ir-riżultat hu li llum hawn Korp tal-Pulizija li jibbrilla fin-nuqqas ta’ motivazzjoni.”

In-nuqqas ta’ motivazzjoni se tkompli tikber

L-istess sorsi komplew li huma jantiċipaw li din in-nuqqas ta’ motivazzjoni fost il-membri tal-Korp tal-Pulizija se tkompli tikber fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin minħabba li l-Gvern, wara l-ħatriet tal-ġimgħa l-oħra fil-livell ta’ Deputati Kummissarji – erba’ Deputati Kummissarji – issa għandu spazju kbir biex jimla’ l-vakanzi fil-grad ta’ Assistenti Kummissarji, Supretendenti, Spetturi u żgur li se jkun qed jimbark fuq il-logħba tal-kaċċa għall-voti.

Is-sorsi ta’ il-mument temmew li hi ħasra li kull darba li l-Partit Laburista jkun fil-Gvern jirnexxielu jipprova jagħmel mill-Korp tal-Pulizija fergħa tal-istess Partit Laburista iżda r-riżultati li qed jieħu l-poplu huma nuqqas ta’ protezzjoni u żieda inkwetanti ta’ kriminalità.