Internazzjonali

Norveġja – Arrestat suspettat wara li jinstab splussiv fil-qalba ta’ Oslo

Suspettat nġabar mill-Pulizija wara li nħoloq paniku sħiħ fil-Kapitali Norveġiża ta’ Oslo hekk kif matul il-lejl li għadda, triq popolari fiċ-ċentru tal-Belt kellha tiġi evakwata wara li nstab xi splussiv.

Filwaqt li r-ristoranti u l-istabbilimenti tad-divertiment ġew evakwati mill-Pulizija, membri mill-Bomb Disposal Unit splodew l-isplussiv bl-aktar mod sigur.

Kelliema għall-Pulizija Norveġiża ħabbru fuq il-midja soċjali li l-bomba ġiet newtralizzata filwaqt li nġabar suspettat b’rabta mal-każ, madanakollu ma żvelawx dettalji dwar il-persuna fil-kustodja tagħhom.

L-isplussiv kien skopert ġurnata wara li l-awtoritajiet Norveġiżi ħabbru li kienu se jibdew iwettqu rondi mat-toroq tal-akbar ibliet madwar il-pajjiż wara l-attakk terroristiku li seħħ nhar il-Ġimgħa fl-Iżvezja, fejn tilfu ħajjithom 5 persuni u ndarbu 15 oħra.