Lokali

Aġġornata: Ordnati jżarmaw id-duluri mir-reception tal-emerġenza tal-Isptar

Xbiha tad-duluri mżejna bil-fjuri li kienet armata fir-reception tal-emerġenza tal-isptar Mater Dei dalgħodu tneħħiet wara ordni mit-tmexxija tal-isptar.

Net News jinsab infurmat li kmieni dalgħodu l-ħaddiema tal-isptar irċevew ordni biex l-inkwatru tad-duluri u l-armar ta’ madwaru jiżżarmaw immedjatament. Ir-raġuni li ngħatat għal din id-deċiżjoni stramba kienet minħabba kontroll tal-infezzjonijiet, madanakollu crew ta’ netnews li dalgħodu mmedjatament mar l-isptar innota li fis-swali tal-emerġenza stess hemm diversi bukketti tal-fjuri u għaldaqstant l-iskuża ta’ kontroll tal-infezzjonijiet hawn ma tapplikax.

Fi stqarrija wara aktar minn 3 sigħat minn x’ħin kienet pubblikata l-istorja, il-Gvern ċaħad li tneħħiet l-istatwa iżda s-sorsi ta’ Net News għal darb’oħra gidbu l-istqarrija tal-Gvern.

Net News jista’ jiżvela li l-istatwa kienet armata fuq mejda u wara l-ordni, il-fjuri flimkien max-xbiha tneħħew u l-istatwa issa tinsab fil-post fejn tkun merfugħha is-sena kollha.

Net News għamel kuntatt ukoll mas-CEO tal-Isptar, fejn waqt li kompla jiċħad li tneħħiet ix-xbiha, hu kkonferma li hu stess ta’ struzzjonijiet biex jitneħħew il-fjuri.

B’referenza għal ċerti kummenti online, l-awtoritajiet ċaħdu li jista’ jkun li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba nuqqas ta’ tolleranza minn reliġjonijiet oħrajn.