Gazzetta Ċiniża qed twissi dwar ‘konsegwenzi katastrofiċi’ f’każ li l-Istati Uniti tasal biex tattakka lir-reġim tal-Korea ta’ Fuq. U skont il-Global Times, id-deċiżjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, biex jattakka lis-Sirja kellha wkoll ‘il-għan li tintimida’ lill-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un.
L-allegazzjoni ħarġet meta l-Ministri għall-Affarijiet tal-G7 iltaqgħu biex jiddiskutu l-impatt, fuq livell internazzjonali, tal-isparaturi tal-missili, jiem ilu, mill-qawwiet navali Amerikani fuq bażi militari tal-Gvern Sirjan.
Il-qawwiet tal-baħar tal-Istati Uniti bagħtu strike group lejn il-Punent tal-Oċean Paċifiku, b’dan se jipprovdi preżenza qrib il-penisola Koreana.
Uffiċjali fil-Korea t’Isfel jissuspettaw li Kim Jong-un jista’ qed jippjana biex, fil-jiem li ġejjin, iwettaq is-sitt prova nukleari ta’ pajjiżu, fl-okkażjoni tal-105 anniversarju mit-twelid ( fil-15 ta’ April) ta’ nannuh, Kim Il-sung, li kien il-fundatur tal-Korea ta’ Fuq komunista.
Sadanittant, editorjal fil-Global Times taċ-Ċina staqsa ‘jekk issa wasalx iż-żmien li l-Korea komunista tispiċċa mira tal-missili tal-Amerikani, wara s-Sirja’. Dan fost suġġerimenti li l-Istati Uniti kapaċi qed tħejji ‘azzjoni ta’ dan it-tip’ fil-konfront ta’ Pyongyang.
Fl-istess ħin, il-gazzetta Ċiniża wissiet li attakk simboliku tal-Istati Uniti kontra l-Korea ta’ Fuq ‘jissarraf f’diżastru għall-poplu fil-Korea t’Isfel’. It-twissija kompliet li azzjoni militari mill-Amerikani kontra l-Korea ta’ Fuq ‘probabbilment li twassal għal gwerra totali madwar il-penisola Koreana’.
Il-Global Times, filwaqt li innutat il-manuvri tal-qawwiet Amerikani fiz-zoni lejn il-Punent tal-Paċifiku, wissiet ukoll biex ir-reġim fi Pyongyang ma jagħmel xejn li jista’ jiggrava s-sitwazzjoni. It-twissija kompliet li ‘provi nukleari ġodda min-naħa tal-Korea komunista għandhom iqanqlu reazzjonijiet bla preċedent min-naħa tal-komunità internazzjonali, li kapaċi wkoll iwasslu lejn kriżi inkontrollabbli’.
//= $special ?>