Futbol Sport

Champions League – Juventus ifittxu tpattija sportiva kontra Barcelona

Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa jintlagħabu l-ewwel legs tal-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League.

Fl-aktar logħba li tispikka Juventus jilqgħu lil Barcelona f’Turin bit-tama li jiksbu tpattija sportiva għal dak li kien seħħ fl-2015 meta dakinhar il-Katalani rebħulhom 3-1 fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Issa din id-darba l-Bianconeri se jkunu qed jittamaw li jirbħu kontra Barcelona biex fit-tieni leg fid-19 ta’ April ikunu favoriti li jgħaddu għal mal-aħħar tmienja.

Minn naħa tagħhom Barcelona jittamaw li jkomplu minn fejn ħallew meta fir-rawnd preċedenti għamlu l-impossibbli u wettqu rimonta kbira biex eliminaw lil PSG, anke jekk fl-ewwel leg kienu tilfu 4-0 barra minn darhom.
Madankollu minn dakinhar ‘l hawn, it-tim immexxi minn Luis Enrique ma tantx kiseb riżultat daqstant tajbin. Minn ħames logħbiet li lagħbu rebħu tlieta u nhar is-Sibt li għadda tilfu 2-0 barra minn darhom kontra Malaga fil-kampjonat.

Barra minn hekk, fl-aħħar ħames partiti li lagħbu barra minn darhom sofrew 10 gowls u bla dubju jridu jkunu attenti mill-attakkant Gonzalo Higuain li bħalissa jinsab għaddej minn vena mill-aqwa.

Hu għadu kemm skurja erba’ gowls fi spazju ta’ ftit jiem hekk kif ġimgħa ilu skurja tnejn fis-semifinali tal-Coppa Italia kontra l-ekstim tiegħu Napoli u nhar is-Sibt skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 2-0 li kisbu kontra Chievo.

Ta’ min jinnota li filwaqt li Barcelona ma tantx sejrin tajjeb, Juventus għaddejin minn mument mill-aqwa fejn minn Jannar li lagħbu 17-il logħba u rebħu 14-il waħda u tilfu biss darba, liema telfa kienet kemmxejn irrelevanti għax waslet fit-tieni leg tas-semifinali kontra Napoli wara li kienu rebħu l-ewwel leg.

Konfront bejn skwadri bi plejers żgħar
Fil-Ġermanja Borussia Dortmund jilqgħu lil Monaco f’partita li fiha jispikka l-fatt li l-età medja tal-plejers taż-żewġ timijiet se tkun waħda żgħira.

Iż-żewġ klabbs huma magħrufa għal kemm huma kapaċi jrawwmu plejers ta’ kwalità u Monaco għandhom tim b’età medja ta’ 25 sena filwaqt li l-età medja tat-tim ta’ Dortmund hi dik ta’ 25 sena.
Fir-rawnd preċedenti Monaco kellhom wirja mill-aqwa biex biha eliminaw lill-ġganti Ingliżi ta’ Manchester City. Is-Citizens kienu rebħu l-ewwel leg 5-3 fl-Etihad Stadium imma fit-tieni leg fi Franza rebħu 3-1.

Minn naħa tagħhom Dortmund ukoll wettqu rimonta meta wara li tilfu 1-0 barra minn darhom kontra Benfica, rebħu faċilment bi skor ta’ 4-0, f’logħba li fiha spikka Pierre-Emerick Aubameyang b’hat-trick. Ta’ min jinnota li t-telfa kontra Benfica, kienet fil-fatt l-unika telfa li sofrew Dortmund f’dan l-istaġun fiċ-Champions League.

Fi tmiem il-ġimgħa Monaco rebħu 1-0 barra minn darhom kontra Angers biex iddefendew l-ewwel post fil-kampjonat domestiku u Dortmund tilfu 4-1 barra minn darhom kontra r-rivali Bayern Munich u bla dubju se jkunu qed ifittxu li jwettqu reazzjoni.

Il-Programm
It-Tlieta
B.Dortmund v Monaco
Juventus v Barcelona
L-Erbgħa
A.Madrid v Leicester City
B.Munich v R.Madrid