Lokali

FILMAT: Puttinu jgħinu jfieq mill-lewkemija u jsir missier

Clint u l-familja tiegħu ma kinux kapaċi jagħmlu dan kollu waħidhom u għalihom kien hemm Puttinu Cares

Sa ftit tas-snin ilu, Clint kien imur l-isptar għall-kura u kien joħroġ minn hemm bit-tama li jfieq mill-lewkemija. Ġimagħtejn ilu, Clint daħal l-isptar flimkien mal-mara tiegħu Maryrose u minn hemm ħarġu bl-ewwel wildt tagħhom, Emma.

Netnews.com.mt iltaqa’ ma’ Clint Abela-Wadge, ta’ 27 sena li lura fl-2006 ingħata l-aħbar li kellu l-marda tal-lewkemija. Dak iż-żmien, Clint kien fil-ħames sena tal-iskola sekondarja u kien qed jipprepara għall-eżamijiet tal-Olevels. Irrakonta kif għamel żmien twil iħoss uġigħ kbir f’sidru u f’darhu. Madanakollu wara ħafna laqgħat ma’ tobba u professuri, irriżulta li l-uġigħ kollu li kellu f’daru kien konsegwenza tal-marda tal-lewkemija. Fortunatament Clint mill-ewwel sab donazzjoni għall-bonemarrow mingħand ħuħ stess. Iżda minn hemm, Clint flimkien mal-familja tiegħu bdew maratona ta’ trattamenti kemm f’Malta u anki fl-Ingilterra. Madanakollu, Clint u l-familja tiegħu ma kinux kapaċi jagħmlu dan kollu waħidhom u għalihom kien hemm Puttinu Cares. Clint qal li 11-il sena ilu Puttinu Cares ma kienx daqstant popolari daqs illum u lanqas flattijiet ma kien għad kellhom fl-Ingilterra. Madanakollu, dak iż-żmien ukoll, Puttinu kien għenhom ħafna għax kien jikri flattijiet għall-familja ta’ Clint u familji oħra bħal tiegħu.

Clint jirrakonta li wara li wasal lura Malta, hu għamel sentejn sakemm rkupra lura. Ftit wara beda kors tax-xagħar u s-sbuħija fl-MCAST u hemm iltaqa’ mal-mara tiegħu. Maryrose tirrakonta li għalkemm kienet taf bl-istorja ta’ Clint, din ma beżżathiex milli torbot qalbha miegħu. Filfatt, Maryrose u Clint issa ilhom tliet snin miżżewġin u ġimagħtejn ilu flimkien kellhom l-ewwel tarbija tagħhom. Filfatt, kuntrarju għall-viżti tiegħu tas-ssoltu ġewwa l-isptar, din id-darba l-mawra tagħhom lejn l-isptar kienet waħda sabiħa hekk kif kellhom lil Emma. Madanakollu, il-wasla ta’ Emma ma kinitx waħda faċli lanqas. Minħabba li Clint irċieva ħafna trattament, dan seta naqqas iċ-ċans milli l-koppja jkollhom tarbija. Madanakollu Puttinu reġa offra l-għajnuna kollha tiegħu sabiex Clint u Maryrose ikunu jistgħu jitilgħu l-Ingilterra sabiex jagħmlu l-IVF. Fortunatament wara diversi xhur ta’ riċerka u ġimgħa ta’ stennija għar-riżultat, il-koppja rċeviet l-aħbar li kienu se jsiru ġenituri.

Clint saħaq li Puttinu mhux biss ta ċans ta’ ħajja lilu iżda tah ukoll ħajja oħra, lil Emma. Nhar il-Ġimgħa, Clint flimkien mal-mara u t-tifla tiegħu se jkunu qegħdin f’Xarabank sabiex jgħinu fil-ġabra ta’ fond b’risq Puttinu Cares. Clint appella lill-pubbliku sabiex iċemplu u jgħinu lil Puttinu sabiex Puttinu jkun jista’ jgħin lil nies oħra.