Lokali

FILMAT: “Qawmien” – Ara x’qed jagħmlu l-priġunieri fil-ħabs

Dramm mużikali mtella' mill-priġunieri fil-Ġimgħa Mqaddsa

Fil-Ġimgħa Mqaddsa, f’kull raħal jittella’ aktar minn dramm wieħed dwar il-passjoni ta’ Kristu. Iżda lbieraħ ittella l-ewwel dramm b’differenza, dramm mużikali imtella bl-isem ta’ ‘Qawmien’. Dan id-dramm il-biċċa l-kbira tal-kittieba u l-atturi huma priġunieri fil-ħabs ta’ Kordin, flimkien ma’ atturi li mhumiex residenti.

Il-priġunieri ħadu sehem li jtellaw dan id-dramm fil-Ġimgħa Mqaddsa. Iżda il-passjoni ta’ Kristu mhux se tiġi rrakkuntata bil-mod tradizzjonali – iżda minflok l-istorja se ddur madwar il-karattru ta’ Mark u l-vizzju tal-logħob li kellu, fejn minħabba fih spiċċa propju fil-ħabs. B’hekk, il-priġunieri tellaw dan id-dramm mhux biss fl-ispirtu tal-Għid il-Kbir, imma anke dwar l-emozzjonijiet u l-esperjenzi li huma għaddew minnhom, kemm fil-ħajja tagħhom qabel daħlu fil-ħabs Kordin, u issa li għaddejin mir-riforma fil-ħabs stess.

NET News iltaqa’ ma’ wħud mill-atturi li ħadu sehem fid-dramm. Tkellimna magħhom dwar l-iskop u l-esperjenza tagħhom biex itellgħu dan id-dramm flimkien mal-pruġinieri – hekk kif l-atturi li huma priġunieri ma tħallewx jagħtu l-kumment tagħhom. L-atturi qalu li hi esperjenza indimentikabbli li jkollok l-opportunita; li taħdem dramm ġew l-ħabs flimkien mal-priġunieri,  fejn dawn għal xahrejn sħaħ kienu jiltaqgħu magħhom u jmorru jippreparaw għad-dramm mużikali flimkien.

L-atturi qalu li l-iskop ta’ dan id-dramm kien li jikkumparaw il-qawmien ta’ Kristu fuq il-mewt mal-mod kif dan għandu jservi ta’ ispirazzjoni għall-priġunieri li joħorġu mill-ħabs u jerġgħu jidħlu lura fis-soċjeta’. Ukoll huma riedu jqabblu u jagħtu kuraġġ billi jikkumparaw it-tbatija li sofriet il-Madonna flimkien mal-uġiegħ li jħossu l-ġenituri u l-familji tal-priġunieri.

Id-dramm infetaħ f’għeluq it-22 anniversarju tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, li tgħin kemm lill-priġunieri u kif ukoll lill-familji tagħhom. Fil-ftuħ ta’ din iċ-ċerimonja attendiet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca flimkien mal-Ministru tal-Intern Carmelo Abela.