Bħalissa fil-campus tal-MCAST qed jiġi organizzata l-ewwel edizzjoni tal-MCASTSkills Challenge – fejn aktar minn 850 student u studenta qed jikkompetu f’65 sfida differenti, skont is-settur tal-istudju tagħhom.
Fil-ġurnata tal-ftuħ ta’ din l-attivita’, attendiet il-Membru Paralmentari Ewropew Therese Comodini Cachia fejn ltaqgħat ma’ numru kbir ta’ studenti u għalliema, filwaqt li żaret ix-xogħol li qed isir mill-istudenti stess.
L-istudenti kellhom jaffaċċjaw numru ta’ ostakoli relatati ma’ dak li qed jaspiraw li jigradwaw fih, fejn fost l-oħrajn ħadu sehem studenti fis-setturi tal-ICT, Arti Krejattivi, Applied Sciences, Inġinerija Mekkanika u Elettrika, Produzzjoni fil-Media, Business, u bosta setturi oħra.
In-Nazzjon tkellem mal-istudenti tal-MCAST li qegħdin jipparteċipaw f’din l-attivita’ u qasmu l-esperjenza tagħhhom magħna. Tkellimna partikolarment ma’ studenti tal-Inġinerija u l-Hortikultura fejn spjegaw li dawn l-attivitajiet ikomplu jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jippreparahom għall-esperjenzi simili fuq il-psot tax-xogħol fil-ġejjin.
Wara li jsir ix-xogħol mill-istudenti, se jkun hemm professjonisti u għalliema li se jevalwaw ix-xogħol – u wara r-rebbieħa jingaħtaw medalji, u fejn kull parteċipant jingħata ċertifikat.
Waqt din l-attivita’ l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia ferħet u awgurat lill-istudenti tal-MCAST għas-suċċessi li qegħdin jiksbu. Kompliet li meta toffri sfida lill-istudenti huma joħorġu l-aħjhar tagħhom. “Nemmen f’aktar involvmient fl-edukazzjoni sabiex nimmassimizzaw il- hiliet tal-istudenti taghna fl-oqsma vokazzjonali; bhal ma qed naraw f’din l-esibizzjoni”, stqarret l-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia.
L-għanijiet tal-MCASTSkills Challenge huma li żżid l-għarfien tal-karrieri tal-istudenti, tistimula l-interess fl-istudenti dwar l-oqsma tagħhom, u anke li tispira u tgħaddi l-għarfien mingħand il-professjonisti u esperti fis-suġġetti rispettivi għand l-istudenti.
L-MCASTSkills Challenge se tibqa’ għaddejja sa nhar l-Erbgħa 12 t’April, u hi miftuħa għall-pubbliku mid-9 ta’ filgħodu sal- 4.30 ta’ waranofsinhar.
//= $special ?>