Wara dak li ġie ppublikat minn The Malta Independent on Sunday, fejn ħareġ li is-sid ewlieni tal-kumpanija li se tkun qed tieħu taħt idejha l-korsa tal-Marsa u l-madwar għal 65 sena, huwa wieħed mis-sidien ta’ Henley & Partners, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jippublika dan il-ftehim b’mod sħiħ u b’mod immedjat.
Fi stqarrija iffirmata mill-Kelliem għall-Gvern Lokali, ż-Żgħażagħ u l-Isport David Agius, il-Partit Nazzjonalista sostna li dan anke fid-dawl tal-fatt li r-rappreżentant Malti ta’ din il-kumpanija li ffirmat il-ftehim stqarr li ma għandu l-ebda problema li dan il-ftehim jiġi ppublikat biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf x’fih.
Henley & Partners huma magħrufa għal bejgħ ta’ passaporti, fosthom taċ-ċittadinanza Maltija u mhux tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi. Il-kumpanija li magħha l-Gvern iffirma ftehim kienet mwaqfa fl-istess ġurnata li ġie ffirmat il-ftehim u għaldaqstant, dan juri li din il-kumpanija ma għandiex esperjenza f’dan il-qasam sportiv. Il-PN sostna li għal kuntrarju, is-sid ewlieni tal-kumpanija ġej minn kumpanija li fuqha hemm dubji kbar dwar allegazzjonijiet ta’ korruzjoni fil-bejgħ ta’ ċittadinanza ta’ pajjiżi varji.
Fl-aħħar snin, Joseph Muscat qassam artijiet u bini pubbliku lil min xtaq hu. Għamel ftehim wieħed wara l-ieħor kontra l-interess tal-poplu Malti bħal dawk ta’ Cafe’ Premier, l-bini fi Strada Zekka, l-Australia Hall, l-art fejn hemm l-ITS u ż-Żonqor.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li f’ġieħ is-sewwa u t-trasparenza, l-korsa taż-żwiemel tal-Marsa għandha tingħata biss lil investituri li verament lesti jwettqu proġett għall-ġid tad-dilettanti taż-żwiemel u mhux ta’ spekulaturi tal-bini.
//= $special ?>

