Lokali

Il-Kamra tal-Periti tikkundanna it-twaqqiegħ tal-Power Station

It-twaqqiegħ tal-Power Station fil-Marsa
Il-Kamra tal-Periti tistqarr li l-bini seta' jiġi riġenerat u użat għall-skopijiet oħra li jkunu ta' benefiċċju għall-kulħadd

Il-kamra tal-Periti tikkundanna lill-Gvern minħabba n-nuqqas ta’ viżjoni u ideat biex iż-żona tal-Power Station fil-Marsa tiġi riġenerata. B’hekk il-Kamra tal-Periti appellat biex jieqaf it-twaqqiegħ ta’ dawk il-partijiet tal-Power Station li huma kkunsidrati li għandhom kwalita’ arkitettonika sinjifikanti u li jiffurmaw parti importanti mill-wirt industrijali ta’ pajjiżna.

Din ir-reazzjoni qamet wara li l-ġimgħa li għaddiet beda t-twaqqiegħ tal-Power Station fil-Marsa – fejn minkejja l-insistenza ta’ nunru ta’ korporazzjonijiet u esperti fis-suġett – il-Gvern baqa’ għaddej bix-xogħol u ma tax widen. Il-Ministru Konrad Mizzi saħansitra xandar live links fuq Facebook waqt dan it-twaqqiegħ.

Il-Kamra tal-Periti, flimkien mal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) u studenti tal-Fakulta’ tal-Ambjent Mibni fl-Universita’ ta’ Malta, appellaw diversi drabi biex s-sit tal-Power Station jiġi preservat u utilizzat biex iservi ta’ xprun għar-riġġenerazzjoni tal-Marsa. Huma proponew diversi eżempji għall-użu mużikali bħal Teatru għall-Opera, Teatru Filarmoniku għall-Kunċerti, jew anke jieħu aspett kulturali bħal ċentru għall-Performing Arts jew mużew għall-arti moderna. L-istudenti tal-Universita’ wkoll proponew aspett ambjentali fejn l-arti tingħaqad man-natura – bħal bosta binjiet li ġew riġenerati fi bliet kbar Ewropej.

Il-Kamra tal-Periti rrimarkat li hija ħasra kif bini fuq l-istess skala ingħata protezzjoni, u din il-binja arkitettonika ma’ ġietx apprezzata f’lokalita’ li tant għandha bżonn riġenerazzjoni.

Il-Kamra tal-Periti qalet li huwa tassew tat-tħassib li l-Awtorita’ tal-Ipjjanar għada ma għamlitx studju taż-żoni industrijali dwar bini li jimmerita preżervazzjoni minħabba l-kwalita’ arkitettonika u industrijali.