Lokali

Il-kriżi f’Identity Malta hi ‘l bogħod minn mitmuma – The Malta Independent

Il-kriżi f’Identity Malta hi ‘l bogħod minn mitmuma. Hekk qal il-ġurnal The Malta Independent fl-Editorjal, li fakkar kif għall-ewwel il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu pprova jirredikola din il-kriżi billi sejjaħ l-aħbar bħal ‘fake news’, qabel ma kellu jaċċettaha għax Identity Malta nnifisha ammettiet.

Il-ġurnal qal li f’laqgħa li nżammet bejn il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Edituri ta’ The Malta Independent, il-Gvern ipprova jserraħ l-imħuħ li dak li kien żvelat kien sempliċiment eżerċizzju ta’ rutina.

Iżda d-Direttur tal-Kontenut Pierre Portelli wieġeb li l-fatt li l-eżerċizzju nnifsu sar u dan kollu ġie miċħud umbagħad ikkonfermat juri li hemm xi ħaġa ħażina f’Identity Malta. Fl-istess waqt, mil-laqgħa ħareġ ukoll in-nuqqas ta’ ftehim fil-prattiċi użati bejn Identity Malta u l-Kummissjoni Elettorali fl-għoti tad-dritt tal-vot.

Il-ġurnal jgħid li l-Edituri ġew spjegat kif il-Kummissjoni Elettorali qed tagħżel li tniżżel fir-Reġistru Elettorali lil kulmin ikun ingħata Dokument ta’ Residenza. U dan sakemm imbagħad ikunu l-partiti politiċi li jfittxu u jsibu lil min hu eliġibbli għad-Dokument tal-Vot.

Bit-twelid ta’ Identity Malta, il-Kummissjoni Elettorali llum hi totalment dipendenti minn din l-Aġenzija tal-Gvern. Dan iwassal biex jekk ikun hemm xi problema f’Identity Malta, il-Kummissjoni m’għandhiex għażla oħra ħlief li tistenna sakemm l-Aġenzija ssolvi l-problema li jkollha.

L-Editorjal innota kif persuna li kienet imniżżla darbtejn fir-Reġistru Elettorali kienet oriġinarjament tneħħiet f’Marzu li għadda. Madankollu, għal xi raġuni, din il-persuna reġgħet tfaċċat fil-jiem li għaddew.

Għaldaqstant, il-ġurnal qed isostni li pajjiżna jixraqlu li s-sitwazzjoni tkun iċċarata kemm jista’ jkun malajr. Identity Malta għandha tibda sservi ta’ Aġenzija kif suppost b’risq iċ-ċittadini u mhux issir Każin Laburista ieħor.