Uffiċjali tan-NATO qalu li, fl-aħħar ġimgħat, il-qawwiet tal-baħar tar-Russja żiedu l-attività fl-Ewropa sal-punt fejn qabżu l-livell tal-movimenti li kienu spikkaw waqt l-era tal-Gwerra Bierda.
Dan fost it-tħassib li l-livell tal-movimenti u l-preżenza tal-bastimenti tal-gwerra Russi kapaċi jħallu effetti negattivi li ‘jtellfu’ lill-Alleanza tal-Punent.
L-Ammirall Michelle Howard, li tmexxi l-Allied Joint Force Command tan-NATO, f’Napli, flimkien mal-qawwiet navali tal-Istati Uniti fl-Ewropa u l-Afrika, qalet li r-Russja, bla dubju, tat spinta lill-azzjonijiet navali tagħha fis-snin riċenti. Dan minkejja li l-qawwiet tal-baħar Russi mhumiex tal-istess daqs tal-qawwiet li kienu jispikkaw matul il-Gwerra Bierda.
Howard qalet, f’intervista, li llum wieħed jista’ jara attività mill-qawwiet tal-baħar Russi li lanqas ma dehru meta kienet għadha teżisti l-Unjoni Sovjetika komunista. Hi semmiet lista sħiħa ta’ attivitajiet, li jinkludu l-movimenti tal-aircraft carrier Russu, Admiral Kuznetsov, fil-Mediterran.
Attivitajiet notevoli oħra mir-Russja huma ż-żidiet fir-ronda tal-bastimenti fit-Tramuntana tal-Atlantiku u r-reġjun Artiku; il-preżenza sinifikanti ta’ sottomarini Russi ‘f’inħawi ’il hinn miz-zoni tas-soltu’ u l-movimenti ta’ sottomarini fil-Baħar l-Iswed.
Filwaqt li Howard tifhem li r-Russja għandha Navy fuq livell globali, hi innutat li l-attivitajiet tal-qawwiet tal-baħar Russi ngħataw spinta sinifikanti fl-aħħar snin.
Għaldaqstant, hemm il-periklu li membri tal-Alleanza tan-NATO għandhom jikkonċentraw fuq ‘l-eqreb zoni ta’ interess’, waqt li ma jkunux jistgħu jsegwu attivitajiet tar-Russi f’zoni oħrajn.
Il-kummenti ta’ Howard ingħataw fi żmien karatterizzat minn żieda fit-tensjoni bejn ir-Russja u l-Istati Uniti. Dan wara li l-awtoritajiet f’Washington ħarġu direttiva biex il-qawwiet tal-baħar tagħhom jisparaw 59 missili cruise kontra bażi tal-ajru fis-Sirja (li l-Gvern tagħha hu alleat ewlieni ta’ Moska) b’ritaljazzjoni għal attakk qattiel bil-gass velenuż mill-qawwiet Sirjani li ħalla għexieren ta’ mejtin, inklużi tfal.
L-osservaturi, issa, jaqblu li l-manuvri navali kienu qed jimxu ‘id f’id’ maż-żieda fl-attakki ċibernetiċi persistenti minn Moska. Spikkaw ukoll l-ammonti konsistenti ta’ titjiriet (‘fly bys’) mill-ajruplani militari tar-Russja minn fuq iz-zoni tal-baħar fejn hemm il-bastimenti tal-Istati Uniti u alleati oħrajn tan-NATO.
In-NATO qed tiżviluppa preżenza ta’ qawwiet fil-Polonja u l-Istati Baltiċi biex tifforma sistema ta’ deterrent għar-Russja filwaqt li tenfasizza s-saħħa tal-Alleanza. Iżda l-uffiċjali tal-Istati Uniti u l-Ewropa qegħdin jitħassbu aktar dwar ‘l-użu ta’ propaganda u attakki ċibernetiċi minn Moska bil-għan li tinfluwenza l-elezzjonijiet fl-Istati tal-Punent’.
//= $special ?>