Lokali

Il-Qorti ma tilqax it-talba tal-GWU

L-Uffiċċju tal-Arms fil-Workers' Memorial Building
Digriet ta' 26 paġna mill-Imħallef Padovani Grima

L-Imħallef Jaqueline Padovani Grima ddeċidiet li ma tilqax it-talba tal-GWU għar-rikuża taghha.

Il-kawża oriġinali infetħet mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-General Workers’ Union dwar il-ksur tal-kuntratt tal-kiri tal-Workers’ Memorial Building fil-Belt Valletta mill-istess GWU meta kriet partijiet minnu lil terzi.

Il-GWU allegat dubji dwar nuqqas ta’ imparzjalita’ minħabba li l-kawża tal-PN qed titmexxa mill-Avukat Edward Debono, li hu senior partner mad-ditta legali Fenech & Fenech, li magħha jaħdmu qraba tal-istess Imħallef.

Fit-trattazzjoni tiegħu għan-nom tal-GWU l-Avukat John Bonello kien qal illi filwaqt li hemm mal-50 professjonist li jaħdmu mad-ditta Fenech & Fenech, il-partners prinċipali huma membri tal-familja Fenech u hemm relazzjoni diretta jew indiretta mal-Imħallef sedenti.

Iżda skont id-Digriet tal-Qorti li inqara illum, intqal li din il-parentela hija raġuni remota wisq biex tqanqal dubji dwar l-imparzjalita’ tal-Imħallef.

Fir-replika tiegħu ftit tal-jiem ilu, l-Avukat Jason Azzopardi qal li bl-argument tan-naħa l-oħra qed jiġi redikolat l-obbligu tal-imparzjalita’ u kemm fir-rikors kif ukoll fit-trattazzjoni ma ntqalx għaliex m’hemmx imparzjalita’. Hu qal li skont is-sentenzi tal-Qorti Ewropea fi Strasbourg, l-elementi li għandhom iwasslu għal rekuża ta’ ġudikant huma t-twemmin personali u l-imġieba tiegħu jew f’każ fejn ġudikant isib quddiem kawża li kellu involviment fiha meta kien għadu avukat. L-Avukat Azzopardi qal li wieħed irid joqgħod attent biex ma jkunx inkoraġġit dak li jissejjaħ “forum shopping” fejn il-partijiet jipprovaw jagħżlu quddiem min tinstema’ l-kawża.

Issa, bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-lum, il-kawża se tibqa’ tinstema’ quddiem l-Imħallef Padovani Grima.

Id-Digriet jgħid li l-Qorti hi “moralment konvinta li ma hemmx dubju leġittimu dwar l-imparzjalita’ suġġettiva jew oġġettiva tal-Qorti”.

L-Avukati Jason Azzopardi u Daniel Buttigieg qed jidhru f’isem il-Grupp Parlamentari tal-PN filwaqt li l-Avukati John Bonello u Aaron Mifsud Bonnici qed jidhru għall-GWU. Qed jidhru wkoll fil-kawża l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat Stefano Filletti għall-Kummissarju tal-Artijiet, l-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi għal Arms Ltd u l-Avukati Marion Camilleri u Amadeus Cachia għar-ristorant Sciacca Grill.