Lokali

Inkjesta farsa li saret biss biex tagħmel cover-up tal-verità – PN

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex hija farsa mill-bidu sal-aħħar, u saret biex taħbi u tagħmel cover-up tal-verità

L-inkjesta dwar l-indħil minn żewġ Ministri f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex hija farsa mill-bidu sal-aħħar, u saret biex  taħbi u tagħmel cover-up tal-verità. B’dak li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat f’din l-inkjesta, issa hu ċar li bid-deċiżjonijiet li qed jieħu, Muscat warrab għal kollox l-interessi taż-żgħażagħ u l-ġenituri li tant jinkwetaw dwar uliehom, u dan biex jiddefendi żewġ Ministri li ndaħlu f’każ ta’ traffikar tad-droga.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u mill-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Simone Aquilina.

Beppe Fenech Adami qal li r-rapport ippubblikat jikkonferma dak li dejjem qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil: li l-inkjesta hi biss ‘whitewash’. Hu sostna li l-inkjesta ma kenitx intiża biex issib il-verità, iżda magħmula biss biex taħbi l-verità u tgħid li ma hemm ebda indħil politiku – dak li ried jisma’ u dak li ried jippubblika l-Prim Ministru.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Prim Ministru rrifjuta li jaħtar inkjesta indipendenti mmexxija minn tliet Imħallfin, iżda, konxjament, għażel eks kandidat tal-Partit Laburista biex jinvestiga liż-żewġ Ministri Laburisti. Hu spjega kif l-inkjesta naqset fl-aktar elementi bażiċi: jiġifieri li tisma’ x-xhieda tal-individwi li huma fiċ-ċentru ta’ dan il-każ, jiġifieri: ix-xufiera tal-Ministri li allegatament indaħlu fil-każ, il-persuni nvoluti, il-Pulizija tal-iskorta, il-Pulizija nvoluti fl-investigazzjonijiet, kif ukoll il-filmati tal-kameras tas-sigurtà barra l-Ministeru t’Għawdex.

Marthese Portelli qalet li f’Għawdex, il-problema tad-droga hija kbira, u l-agħar ħaġa li tista’ ssir hi li l-istituzzjonijiet, flok jaġixxu biex jiddefendu lill-vittmi tad-droga, jaġixxu fl-interess tat-traffikanti.

Hi qalet li hu evidenti li l-Għawdxin qed jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet meta jaraw l-abbuż u l-indħil politiku b’mod daqshekk ċar quddiemhom. Hi sostniet li l-familji Għawdxin għandhom tabilħaqq biex jinkwetaw meta jaraw li l-awtoritajiet, flok qed jaraw li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati, qed jaġixxu b’tali mod li l-kriminalità tkompli tgħolli rasha.

Simone Aquilina sostniet li bħala omm, tinsab imħassba bis-sitwazzjoni tal-kriminalità dejjem tgħolli rasha f’pajjiżna. Hi qalet li fl-aħħar ġimgħat biss, l-aħbarijiet kienu dwar każijiet kbar ta’ kriminalità, fosthom karozzi bomba li ma ġewx solvuti, delitti ħorox, serq u hold-ups f’kull lokalità inkluż fuq anzjani, ħruq ta’ karozzi, attentati ta’ abort kif ukoll ġlied kontinwu f’postijiet fejn ikun hemm iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Hi sostniet li hu ta’ tħassib serju għal kull omm u missier li, quddiem dawn il-każijiet gravi ta’ kriminalità, min hu fit-tmexxija, flok jieħu l-passi kontra min qed jagħmel minn Malta post ta’ kriminalità, jiddefendih u jgħattilu. Hi sostniet li d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil tal-bieraħ – fejn wiegħed sens ta’ sigurtà u ġustizzja – għandu joffri serħan il-moħħ għall-ġenituri ta’ ħafna żgħażagħ Maltin u Għawdxin.