Internazzjonali

L-Iżvezja: Minuta silenzju għall-vittmi tat-terrur fi Stokkolma

Il-Prim Ministru Żvediż, Stefan Lofven, esprima s-solidarjetà mal-qraba tal-vittmi tal-aħħar attakk terroristiku fi Stokkolma u qalilhom li ‘mhumiex waħedhom’ f’dan il-mument diffiċli.

Il-messaġġ wasal wara li l-pajjiż osserva minuta silenzju b’rispett għal dawk li tilfu ħajjithom fl-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa, fil-kapitali, fejn terrorista saq trakk għal ġo stabbiliment kummerċjali bir-riżultat li mietu erba’, bi 15 jisfaw midruba.

Raġel mill-Użbekistan, li jismu Rakhmat Akilov, bħalissa jinsab taħt arrest u qed jissemma bħala s-suspettat ewlieni. Hu qed ikun suġġett għall-interrogazzjoni tal-Pulizija.

Intant, kienet organizzata ċerimonja solenni ta’ qima lill-vittmi quddiem il-bini muniċipali tal-kapitali, fejn attendew is-Sindku ta’ Stokkolma, Karin Wanngard, u l-membri tal-Familja Rjali Żvediża. Il-minuta silenzju kienet irrispettata madwar il-pajjiż, b’mod partikulari minn folla kbira li nġabret barra l-istabbiliment fil-mira tal-attakk.

Is-Sindku ta’ Stokkolma għamlet diskors fejn enfasizzat li Stokkolma se tibqa’ ‘belt miftuħa u tolleranti’, fejn in-nies ‘mhuma se jbaxxu rashom qatt għat-terrur’.

Għalkemm il-Pulizija ma żvelawx l-identitajiet tal-erba’ mejtin fl-attakk tal-Ġimgħa, sar magħruf li dawn jinkludu żewġ Żvediżi (waħda minnhom tifla ta’ 11-il sena), raġel Britanniku u mara Belġjana.