Ittra ffirmata minn 50 politiku qed toffri appoġġ sħiħ għal proċess ta’ tranżizzjoni għall-Iskozja bħala membru (eventwali) tal-UE, f’każ li l-pajjiż jinħall mir-Renju Unit.
Il-politiċi, fosthom deputati tal-Parlament Ewropew, sostnew li ‘għandhom pjaċir’ bl-isħubija sħiħa tal-Iskozja fl-Unjoni f’każ li l-Iskoċċiżi jivvutaw għall-indipendenza.
Il-grupp tal-politiċi, fil-parti kbira membri tal-Partit tal-Ħodor, qalu wkoll li jkunu lesti biex jaċċertaw kwalunkwe tranżizzjoni għas-sħubija sħiħa tal-Iskozja (fl-UE) ‘fi proċess li jitmexxa malajr kemm jista’ jkun u fost awgurju li dan isir mingħajr intoppi’.
L-ittra lil Holyrood (il-Parlament Skoċċiż) kien iffurmat minn 26 MEP u minn membri tal-Parlamenti nazzjonali u reġjonali fil-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja u l-Belġju.
Il-politiċi qalu li ‘il-kwistjoni tal-futur kostituzzjonali tal-Iskozja u r-relazzjonijiet mar-Renju Unit u l-UE iridu jkunu deċiżi mill-Iskoċċiżi’. L-ittra kompliet li l-politiċi mhumiex se jsostnu t-triq li għandha taqbad l-Iskozja, għalkemm huma jagħmluha ċara li ‘f’każ li l-Iskozja tkun trid l-indipendenza u l-isħubija fl-UE, għandhom joffru l-appoġġ sħiħ biex it-tranżizzjoni tkun ħielsa kemm jista’ jkun mill-problemi’.
Din il-wirja ta’ appoġġ qed titqies bħala ‘stimolu’ għall-kampanja li qed tmexxi Nicola Sturgeon, bħala l-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, biex isir tieni referendum dwar l-indipendenza potenzjali tal-Iskozja. F’Ġunju, l-Iskoċċiżi kienu vvutaw bi ħġarhom biex ir-Renju Unit ikompli bl-isħubija fl-UE iżda l-verdett finali tal-Britanniċi kellu jkun favur l-indipendenza mill-Unjoni.
//= $special ?>